Il-persuni mill-Etjopja li qed jinżammu u jiffaċċjaw deportazzjoni wara li ilhom is-snin jgħixu u jaħdmu legalment f’Malta għandhom jinħelsu minnufih. Dan qaluh il-Kummissjoni Migranti, il-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u JRS Malta lill-awtoritajiet. Iż-żewġ kummissjonijiet, li huma parti mill-Arċidjoċesi ta’ Malta, u JRS Malta jikkundannaw bis-sħiħ l-arrest riċenti ta’ diversi Etjopjani, li bħalissa jinsabu miżmuma
u ġew mgħarrfa li se jintbagħtu lura l-Etjopja.
Huma appellaw, fi stqarrija, lill-membri parlamentari kollha, speċjalment il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali, biex jiltaqgħu u jiddiskutu dawn la u jsibu soluzzjoni li tirrispetta d-drittijiet tal-persuna u tipproteġi lil kull membru fis-soċjetà tagħna. It-tliet entitajiet ħeġġew ukoll lill-awtoritajiet biex joħolqu proċeduri realistiċi ta’ regolarizzazzjoni għal dawn l-Etjopjani kif ukoll għal individwi oħra.
“Aħna nqisu dawn l-azzjonijiet riċenti bħala inġusti, bla distinzjoni u krudili u nappellaw lill-Gvern biex jeħles minnufih lil dawn l-individwi u jirregolarizza l-pożizzjoni tagħhom,”qalu l-entitajiet fi stqarrija konġunta.
L-entitajiet appellaw lill-awtoritajiet biex jagħtu widen il-messaġġ li għadda l-Papa Franġisku waqt l-Udjenza Ġenerali tal-bieraħ, li kien dedikat lill-immigranti kif ukoll faħħar lis-Samaritani t-tajba li jħabirku biex jgħinu u jsalvaw il-migranti feruti u abbandunati fir-rotot ta’ tama ddisprata, fil-ħames kontinenti.
“Dawn l-irġiel u nisa qalbiena huma sinjal ta’ umanità li ma tħallix li tiddakkar mill-kultura ħażina tal-indifferenza u tal-iskart dak li joqtol il-migranti hu l-indifferenza tagħna u l-atteġġjament ta’ skart,” qal il-Papa Franġisku.
It-tliet entitajiet qalu li dawn l-Etjopjani huma fil-mira bl-iskuża li ġew Malta b’mod irregolari biex ifittxu l-ażil, li dak iż-żmien ma ngħatax. Minkejja dan, ħafna minnhom qattgħu s-snin — f’ċerti każijiet sa 17-il sena — jgħixu u jaħdmu bl-għarfien u bl-awtorizzazzjoni tal-awtoritajiet, li tawhom liċenzji tax-xogħol u permessi ta’ residenza.
Matul is-snin ikkontribwew għas-soċjetà u saru parti integrali mill-komunità, kif ukoll ħallsu t-taxxi u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali tagħhom. “Huma impjegati stmati u mħarrġa, li l-esperjenza tagħhom se tkun diffiċli biex tiġi sostitwita. Huma ġirien tagħna, kollegi tagħna, ħbieb tagħna, in-nies li jsellmulna fit-triq, li jieħdu ħsieb il-qraba anzjani tagħna, u li naddfu s-swali tal-isptar tagħna waqt il-pandemija tal-COVID-19,” qalu l-entitajiet.
Dawn l-azzjonijiet huma wħud minn sensiela ta’ raids li qed iwasslu biex għexieren ta’ migranti li jqisu Malta bħala darhom, spiċċaw qed jinżammu maqfula u b’ħajjithom maqluba ta’ taħt fuq bla ebda twissija, waqt li qed isiru l-preparamenti meħtieġa biex jintbagħtu fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom.
Lil hinn mill-konsegwenzi li tali azzjonijiet iħallu fuq dawn il-persuni, l-entitajiet tal-Knisja sostnew fl-istqarrija, li nħolqot klima ta’ biża’, diskriminazzjoni u insigurtà fost il-membri ta’ dawn il-komunitajiet li matul is-snin ikkontribwew għall-ġid ta’ kulħadd. Dawn l-azzjonijiet huma tfakkiriet kostanti mill-Istat li jista’ faċilment, b’mod arbitrarju u indiskriminat jgħaffeġ fuq dak kollu li dawn il-membri tas-soċjetà bnew permezz tas-sagrifiċċji u l-ħidma ħabrieka tagħhom.
“Prattiki u policies inġusti bħal dawn joħolqu biża’ u diskriminazzjoni, u jdgħajfu l-qafas fundamentali tal-komunitajiet tagħna,” qalu l-entitajiet tal-Knisja.
L-entitajiet tal-Knisja fakkru f’dak li kiteb Papa Franġisku fl-enċiklika Fratelli Tutti, li s-soċjetà għandha tkun mibnija fuq ir-rispett, il-fiduċja, is-solidarjetà u r-rikonoxximent tad-“dinjità inaljenabbli ta’ kull persuna umana lil hinn mill-oriġini, mill-kulur tal-ġilda jew mir-reliġjon, u l-liġi l-aktar għolja tal-imħabba tal-aħwa”.
//= $special ?>