Lokali

“L-inkompetenza tal-Gvern qed twassal biex nitilfu l-għeżież tagħna u s-saħħa tal-Maltin” – PN

Għandha tintrefa’ r-responsabbiltà amministrattiva u politika quddiem il-fatt li tlifna persuna proprju fl-emerġenza matul il-ħin ta’ stennija

L-inkompetenza tal-Gvern qed tkun xprun kontinwu għall-falliment fil-qasam tas-saħħa, b’dan il-kollass iwassal biex jintilfu l-ħajjiet bi tbatija fuq il-professjonijiet u l-pazjenti. 

Dan huwa dak li ntqal mix-Shadow Ministers Adrian Delia u Ian Vassallo f’konferenza tal-aħbarijiet dwar il-mewta traġika ta’ Stephen Mangion wara li tilef ħajtu b’attakk tal-qalb waqt stennija fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei. Bil-Ministru tas-Saħħa ma ta l-ebda tweġibiet dwar dan il-każ tant li lanqas biss sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet iżda rrikorra biss għal messaġġ fuq Facebook.

Ix-Shadow Ministers saħqu li s-sitwazzjoni fis-settur tas-saħħa ilha s-snin tikkrolla sakemm issa qed naraw b’mod ċar kif il-poplu Malti u Għawdxi qed ibati min-nuqqasijiet tal-Gvern Laburista.Settur tas-Saħħa fi kriżi, fejn il-Gvern ilu s-snin jiġġieled mhux biss ikollna saħħa aħjar imma biex jiddefendi lill-kriminali. Gvern li ta b’għotja l-isptarijiet tal-poplu Malti u Għawdxi. 

Il-kelliema saħqu wkoll dwar il-kriżi fil-popolazzjoni li żdiedet bla ebda ħsieb u pjan u li dan it-tkabbir ġab kollass f’bosta oqsma inkluż ukoll fil-qasam tas-saħħa.  

Ix-Shadow Ministers saħqu li dan kien inċident li seta’ ma kien inċident xejn, iżda l-politika tal-Gvern Laburista wriet kemm verament “is-Saħħa lill-Maltin” kienet biss frażi għal propoganda li ttik biss dak fitizzju. Tant hu hekk li qed naraw il-Maltin u l-Għawdxin jistennew is-sigħat, ix-xhur, u s-snin sħaħ sakemm jiġu kkurati, b’riżultat li bosta drabi qed ikun tard wisq.

Il-kelliema saħqu li l-Partit Nazzjonalista se jinvesti biex is-settur jingħata l-importanza u li fih isir l-investiment mistħoqq u meħtieġ fejn il-ħaddiema jingħataw l-għodda biex jagħtu l-kura lill-pazjenti.

Matul il-konferenza tal-aħbarijiet il-Partit Nazzjonalista appella wkoll biex tintrefa’ r-responsabbiltà amministrattiva u politika quddiem il-fatt li tlifna persuna proprju fl-emerġenza matul il-ħin ta’ stennija.

Il-kelliema saħqu wkoll biex il-Gvern ma jibqax iwebbes rasu u jaħdem flimkien mal-Oppożizzjoni għas-soluzzjonijiet li għandu sabiex ma narawx iktar minn dawn it-traġedji.