Daniel Sancho Bronchalo, iben l-attur Spanjol Rodolfo Sancho Aguirre ġie kkundannat għomru l-ħabs wara li dan nstab ħati li kien involut f’qtil makabru tal-kirurgu Kolombjan, Edwin Arrieta Arteaga.
Il-każ seħħ f’Awwissu tal-2023 fuq il-gżira Tajlandiża ta’ Koh Phangan.
Sancho li għandu 30 sena, ammetta li qatel lill-kirurgu, Edwin Arrieta Arteaga waqt l-interrogazzjonijiet mill-Pulizija, wara li inizzjalment kien irrapurtat mill-Pulizija li kien nieqes.
Fis-sentenza tiegħu, il-Qorti sabitu ħati ta’ qtil premeditat, kif ukoll li ħeba l-katavru u qerda ta’ propjetà.
Il-Qorti fuq il-gżira ta’ Koh Samui, fejn instema’ l-każ, oriġinarjament ħarġet sentenza ta’ piena kapitali, iżda din ġiet mibdula f’sentenza ta’ għomor il-ħabs wara li Sancho kkopera matul il-prova tal-Qorti.
Sancho li jaħdem bħala kok u jagħmel sensiela ta’ filmati fuq Youtube, ġie ordnat iħallas ukoll somma ta’ ฿4 miljun, equivalenti għal €110,000 bħala kumpens lill-familja ta’ Arrieta.
Bussakorn Kaewleeled, l-avukat tal-familja ta’ Arrieta esprima sodisfazzjon bis-sentenza tal-Qorti, u qal li dan huwa ġustizzja għall-familja tiegħu.
Skont ir-rapporti, Sancho u Arrieta kienu ppjanaw biex jiltaqgħu fuq il-gżira ta’ Koh Phangan wara li dawn ltaqgħu għall-ewwel darba online. Madankollu, id-difiża argumentat li Sancho aġixxa hekk sabiex jiddefendi lilu nnifsu wara li Arrieta ġiegħlu jipparteċipa f’attivitajiet sesswali.
Għaldaqstant, il-Qorti qalet li dan l-argument ma kienx biżżejjed biex Sancho jevita milli jmur il-ħabs għall-bqija ta’ ħajtu.
Dan il-każ iqajjem interess kbir fi Spanja, b’ħafna ġurnalisti Spanjoli jivvjaġġaw lejn it-Tajlandja biex issegwu l-proċess tal-Qorti. Dan il-każ ukoll ġab l-attenzjoni tan-nies minħabba l-brutalità ta’ dan il-qtil u l-fatt li l-aggressur ġej minn familja ta’ atturi rinomati fi Spanja.
//= $special ?>