Lokali

Il-Ministru tas-Saħħa jirrifjuta li jitkellem u jagħżel li jinħeba wara l-inkjesti li ġew appuntati

Wara t-traġedja b’rabta mal-mewta traġika fil-waiting area tal-emerġenza, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela ma sejjaħ ebda konferenza tal-aħbarijiet biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Iżda minflok tefa’ żewġ sentenzi fuq Facebook.

Imbagħad, meta affaċċjat bid-domandi ta’ Net News xorta għażel li ma jikkummentax dwar dan il-każ.

“Minix se nidħol fil-merti tal-każ għax ovvjament hemm żewġ inkjesti għaddejjin,” qal il-Ministru Abela. “Jiena bħala ċittadin u bħala xi ħadd li fis-saħħa nifhem xi ftit mhux ħażin, nista’ nifforma l-opinjoni tiegħi. Imma jiena, biex il-proċess ikun trasparenti u ssir ġustizzja sħiħa, irridu nħallu l-inkjesti jilħqu l-qofol tagħhom, jilħqu l-konklużjonijiet tagħhom u bħalma għamilna fil-passat, nimxu u nieħdu passi fuq il-konklużjonijiet.”

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-biki li s-settur tas-saħħa spiċċa fiha, huwa qal li bħalissa hemm fis-seħħ strateġija li ddeskriviha bħal “jigsaw puzzle”.

“L-istrateġija tal-Gvern għall-emerġenza hija speċi ta’ jigsaw puzzle, kif ilna ngħidu, qal il-Ministru Abela. “Aħna nixtiequ li dan is-settur ikun riformat. Qed immexxu r-riformi ‘l quddiem diġà. Qed immexxuhom bl-iktar mod li jiena nixtieq li huwa fast? Issa jiġġudika l-poplu.

Il-Ministru Abela ammetta wkoll li d-dipartimenti jinsabu għarkupptejhom minħabba nuqqas ta’ staff. Għalkemm qatt ma ta soluzzjonijiet.

“Diversi speċjalitajiet fis-sistemi tas-saħħa li huma understaff,” qal il-Ministru Abela. “Xi ħaġa li nafu biha, nammettu u rridu nindirizzawha.”

Quddiem il-fatt li l-Ministru Abela baqa’ jaħrab milli jagħti soluzzjoni ċara sabiex ma narawx iktar imwiet ta’ dan it-tip, Net News prova jieħu tweġiba mingħand il-kollega tiegħu, il-Ministru Clifton Grima. Iżda dan ukoll naqas milli jwieġeb.

“Wieġbek il-Ministru diġà,” qal il-Ministru Grima. “Inti qed tgħid każ bħal dan, ejja nkunu ċari u naraw x’kienu ċ-ċirkostanzi marbuta mal-każ. Ikun primatur u nkun prużuntuż ukoll kieku jien nipprova nagħti ġudizzju fuq xi ħaġa li m’għandix l-għarfien u l-fatti relatati mal-każ.”

Dwar dan il-każ, il-Ministru JoEttienne Abela kkonferma li nfetħu kemm Inkjesta Maġisterjali u anke Inkjesta Indipendenti.

“Min-naħa tal-Isptar Mater Dei, illum stess se tinħatar Inkjesta Indipendenti,” qal il-Ministru Abela.

Intant, b’rabta ma’ dan il-każ għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà politika. U l-Prim Ministru ma lissen ebda kelma.