Kultura Lokali

Il-Mosta Girl Guides jattendu l-Essex International Jamboree

Dan is-sajf, il-Mosta Girl Guides siefru għal vjaġġ indimentikabbli lejn ir-Renju Unit, fejn 33 parteċipant, fosthom 11-il voluntier adult, irrappreżentaw lil Malta fl-Essex International Jamboree 2024 (EIJ 2024). Bit-tema ‘Ċelebrazzjoni tal-Girl Guiding u Scouting’, dan l-avveniment internazzjonali li sar f’Chelmsford bejn it-27 ta’ Lulju u is-7 ta’ Awwissu 2024, offra lill-Mosta Girl Guides iċ-ċans li jieħdu sehem f’attivitajiet diversi, jiffurmaw ħbiberiji ġodda, u jipparteċipaw bi sħih fi skambju kulturali fuq livell internazzjonali.

Il-jamboree kien jikkonsisti minn ġimgħa mimlija azzjoni li pprovdiet diversi opportunitajiet lill-Mosta Girl Guides sabiex jippruvaw esperjenzi differenti, kif ukoll jiżviluppaw ħiliet ġodda. Huma pparteċipaw f’attivitajiet bħaċ-ċikliżmu, it-tir bil-qaws, l-isparar, abseiling, u anka tixbit permess ta’ ħbula għolja. Għalkemm ħafna minn dawn l-esperjenzi kienu ġodda għal uħud mill-membri, kull avventura ġiet avviċinata b’sens ta’ entużjażmu u determinazzjoni bl-għan li kulħadd jagħmel u jieħu l-aħjar minnha.


Il-jamboree kien organizzat f’zoni differenti u kull waħda kienet toffri attivitajiet uniċi. Fit-Tech Lab, il-Mosta Girl Guides fittxew soluzzjoniet kreattivi għal sitwazzjonijiet diversi, filwaqt li z-zona tal-Intrapriża ħeggithom jipprattikaw l-intraprenditorija permezz ta’ tisjir u bejgħ ta’ ħelu. Fiz-zona Wet and Wild id-divertiment kien ibbażat fuq l-ilma, inkluż ġiti bil-kenuri u oġġetti oħra tal-ilma li jintefħu, u fiz-zona Motion Zone l-qofol kienu l-bumping-cars. Minn naħa l-oħra, iz-zona ‘It’s a Knockout’, offriet sfidi sbieħ u kompetittivi li jeħtieġu ħidma f’tim, kif ukoll aġilità, waqt li permezz taz-zona On Target, il-Mosta Girl Guides ippruvaw il-qaws, l-isparar, u anke esperjenzaw sport li jikkonsisiti mit-tfigħ tal-mannara.

Il-Mosta Girl Guides esperjenzaw ukoll il-kultura tradizzjonali Ingliża, permezz ta’ attivitajiet interessanti, bħad-daqq tal-qniepen u l-cricket. Permezz ta’ diversi attivitajiet ta’ team-building, ġew eliminati xi ostakli kulturi u lingwistiċi, u b’hekk il-Mosta Girl Guides saru ħbieb sew ta’ guides oħra minn madwar id-dinja. Bis-saħħa ta’ dawn l-esperjenzi l-Mosta Girl Guides ħadu sehem f’avventuri li jiħtieġu ħiliet fiżiċi, waqt li joffru possibbiltajiet ta’ ħbiberiji dejjiema.

Il-ħiliet tal-camping kienu parti kruċjali ta’ din l-avventura. Tul dawn l-aħħar xhur, saru diversi preparamenti f’Malta, u b’hekk fl-Essex International Jamborree l-Mosta Girl Gudies mhux biss waqqfu t-tined tagħhom stess iżda għenu wkoll biex jitwaqqfu t-tined tal-kċina, tal-maħżen u tal-kamra tal-ikel. Huma wrew ukoll il-kompetenza tagħhom fl-għoqiedi u l-irbit ta’ ħbula, u ħadmu flimkien ma’ guides tar-Renju Unit biex bnew xatba b’saħħitha u viżwalment attraenti għas-sottokamp tagħhom, li kien jisimha Seine. Id-dekorazzjonijiet, ispirati mix-Xmara Seine ta’ Pariġi, kellhom repliki tat-Torri Eiffel kif ukoll ġilji tal-ilma ispirati minn Monet, li taw dehra artistika lil dan is-sottokamp.


Is-serati tal-Jamboree kienu mimlija avvenimenti b’diversi temi bħall-Barn Dance, French Waiters Night u Neon Night, u provdew sfond ta’ rilassament u divertiment għal-participanti. Serata memorabbli kienet il-campfire night li ġabret lil kulħadd flimkien għal lejla ta’ stejjer, kanzunetti, u ħbiberija. Serata oħra imsjeħa Got Talent ipprovdiet opportunita’ għallMosta Girl Guides biex juru l-kreattività tagħhom, liema kreattività ġiet milqugħa b’applawżi u ammirazzjoni minn dawk preżenti. Wieħed mill-aktar mumenti sinifikanti kien l-International Night, fejn il-Mosta Girl Guides, kburin ferm b’pajjizhom, irrappreżentaw lil Malta u qassmu informazzjoni dwar il-kultura Maltija kif ukoll il-folklor, u l-ikel u x-xorb Malti ma’ sħabhom minn pajjizi oħra.

Il-kontinġent Malti, mgħamul mil-Girl Guides Mostin kif ukoll mill-Fgura Scout Group, kanta kanzunetti Maltin fuq il-palk prinċipali. Dawn il-kanzunetti ntgħoġbu ferm mill-udjenza preżenti, li żifnet u kantat flimkien magħhom. Wara l-Jamboree, l-avventura tal-Mosta Girl Guides kompliet f’Londra, fejn żaru siti ewlenin bħal Hyde Park, Piccadilly Circus, u Buckingham Palace, filwaqt li marru fuq ġita fuq ix-Xmara Thames, raw Mamma Mia! ġewwa wieħed mit-teatri, u żaru Pax Lodge, li huwa wieħed miċ-ċentri tal-Assoċjazzjoni Dinjija tal-Girl Guides u Girl Scouts (WAGGGS).


Waqt ieħor indimentikabbli kien ġurnata f’Chessington World of Adventures, ġurnata mimlija avventura għall-membri kollha tal-grupp. Il-vjaġġ ikkonkluda billi l-Mosta Girl Guides ospitaw f’Malta grupp ta’ 15-il Guide minn Buckinghamshire, fir-Renju Unit. Permezz t’hekk kompliet tissaħħah aktar il-ħbiberija u l-iskambju kulturali bejn il-guides Mostin u l-guides tar-Renju Unit. Dan il-vjaġġ kien aktar minn sempliċiment avventura; tassew kien opportunità eċċellenti għall-Mosta Girl Guides biex jikbru, jitgħallmu, u jirrappreżentaw pajjiżhom fuq stadju internazzjonali, filwaqt li joħolqu memorji u ħbiberiji li jibqgħu jgħożżu tul ħajjithom kollha.


Esperjenzi internazzjonali simili huma organizzati fuq bażi regolari u huma parti mill-programm tal-Girl Guiding li joffru l-Malta Girl Guides f’diversi gruppi fi bliet u rħula lokali. Biex tissieħeb mal-Malta Girl Guides, ġenituri jew gwardjani għandhom jikkuntattjaw lill-assoċjazzjoni permezz tal-paġna fuq Facebook jew billi jibagħtu email fuq info@maltagirlguides.com.