Numru ta’ nies, fosthom pensjonanti, spiċċaw imsawwtin mill-pulizija meta huma kienu qed jieħdu sehem f’dimostrazzjonijiet fit-toroq tal-kapitali, Buenos Aires.
Il-protesti saru wara li l-President Arġentin, Javier Milei, ħabbar li beħsiebu jostakola l-pjani għal żidiet fil-pensjoni….Żidiet intiżi biex itaffu ftit mill-effett tar-rati straordinarji tal-inflazzjoni fl-Arġentina.
Intant, il-pulizija anki sparaw il-gass tad-dmugħ lejn id-dimostranti u fost rapporti li saru wkoll xi arresti.
L-inkwiet fi Buenos Aires seħħ wara li l-Uffiċċju ta’ Milei ħabbar li l-President kien qed jippjana biex juża l-veto fir-rigward tar-riformi għall-pensjonijiet….Riformi li huma parti minn abbozz li ressaq il-Kungress ta’ Buenos Aires li hu kontrollat mill-membri tal-Oppożizzjoni.
Min-naħa tagħhom, il-President Milei u l-Gvern tiegħu insistew li l-abbozz inkwistjoni għandu biss l-iskop li ‘jeqred il-programm ekonomiku għall-pajjiż’.
Intant, l-osservaturi fl-Arġentina qalu li n-nies, issa, huma mxebbgħin sew bis-sitwazzjoni – bl-aħħar xhur ikunu karatterizzati bil-protesti tal-massa rigward il-politika tal-Gvern. In-nies anki qed jesprimu rabja partikulari għas-sitwazzjoni ekonomika mill-aktar diffiċli li qegħdin jgħixu minnha u meta t-turisti wkoll qegħdin ibatu mill-istess diffikultajiet tar-residenti.
//= $special ?>