Sport

Malta fl-azzjoni fl-ewwel ġurnata tal-Logħob Paralimpiku f’Pariġi


Fl-ewwel ġurnata tal-Logħob Paralimpiku f’La Defense Arena fil-kompetizzjonijiet tal-għawm, kien hemm fl-azzjoni Maja Theuma. Hi ħadet sehem fl-ewwel heat mit-tnejn fil-programm kategorija S6 fuq distanza ta’ 50 metru freestyle.

Din kienet l-ewwel esperjenza fil-Logħob Paralimpiku għal Maja fejn Theuma kienet assistita mill-kowc Edward Caruana Dingli.

F’korsija seba’, Theuma temmet id-distanza f’minuta u 13.10 sekondi, liema heat intrebħet minn Jiang Yuyan taċ-Ċina fi 32.70 sekondi qabel Shelby Newkirk tal-Kanada b’34.15 sekondi, u Do Amaral Petzold Mayara tal-Brażil b’35.82 sekondi.

Wara Maja Theuma fil-granet li ġejjin ikun imiss lil Antonio Flores li se jieħu sehem fil-heats tal-100 metru u 200 metru fl-atletika.