Lokali

Roberta Metsola tiltaqa’ maż-żgħażagħ fejn iddiskutew l-isfidi li trid tindirizza l-UE

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola żaret il-Polonja fejn kellha laqgħa mal-Prim Ministru Donald Tusk – l-Eks President tal-Kunsill Ewropew.

Matul il-laqgħa, iż-żewġ mexxejja ddiskutew il-prijoritajiet tal-mandat il-ġdid tal-Parlament Ewropew, u t-tisħiħ tal-appoġġ lill-Ukrajna.

Minbarra taħditiet ta’ livell għoli, il-President Metsola marret ukoll fil-belt ta’ Olsztyn, fejn ġiet milqugħa b’entużjażmu minn folla kbira ta’ żgħażagħ li kienu qed jipparteċipaw fl-avveniment ‘Campus – il-Polonja tal-Futur’.

Waqt din l-attività, il-President Metsola semgħet il-perspettiva tal-ġenerazzjoni żagħżugħa u ddiskutiet l-isfidi li qed tiffaċċja l-Unjoni Ewropea fis-snin li ġejjin.

Il-President Metsola qalet li hi onorata li kienet fost “il-ġenerazzjoni żagħżugħa ta’ mexxejja Pollakki u Ewropej futuri,” fejn setgħu jimpenjaw ruħhom b’mod miftuħ u ħieles…. u jiddiskutu l-aktar kwistjonijiet pertinenti għad-demokraziji Ewropej.

Meta indirizzat mistoqsijiet li saru mill-parteċipanti, il-President tal-Parlament Ewropew tkellmet fuq għadd ta’ prijoritajiet ewlenin li t-terminu l-ġdid jeħtieġ li jiffoka fuqhom. Hi qalet li l-Unjoni Ewropea hemm bzonn tiffoka fuq il-ġlieda kontra influwenzi barranin: bħad-diżinformazzjoni, il-miżinformazzjoni u manipulazzjoni li twassal għal radikalizzazzjoni u xettiċiżmu dejjem akbar fis-soċjetajiet.

Il-President Metsola ħeġġet lill-istudenti biex jinvolvu ruħhom. U kkonkludiet b’appell biex iż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom, isibu kawża u jiġġieldu għaliha.