Lokali Saħħa

“Sistema li falliet” – titkellem in-neputija tar-raġel li miet fil-waiting room tal-Emerġenza

Huma mijjiet il-messaġġi li nkitbu fuq il-midja soċjali biex isellmu lir-raġel li miet traġikament fl-Emerġenza waqt li kien qed jistenna biex jiddaħħal għall-kura minħabba uġigħ kbir f’sidru.

Il-vittma ġie identifikat bħala Stephen Mangion, u fuq Facebook kien evidenti s-sens ta’ rabja u dispjaċir għall-mod kif allegatament ġie trattat – minħabba li ħallewh jistenna fil-waiting area, wara li kien diġà mar f’poliklinika.

In-neputija tiegħu stqarret b’mod pubbliku li Stephen Mangion ikkollassa mal-art fl-Emerġenza. Bil-mara tiddikjara li s-sistema tas-saħħa “falliet”, u li hemm bżonn bidla.

Kitbu wkoll ħafna minn sħabu, li fissru kif din l-aħbar kienet xokk kbir għalihom. Dan filwaqt li t-tifla tiegħu ħallietlu messaġġ sempliċi – “Inħobbok Da”.