Lokali

“Aktar korruzzjoni f’istituzzjoni pubblika oħra” – Repubblika

L-avukat Jason Azzopardi talab għal inkjesta maġisterjali urġenti dwar l-allegat racket ta’ bosta miljuni ta’ ewro li kienu involuti fih l-ogħla uffiċjali tal-LESA – allegazzjonijiet li huma ta’ natura kriminali għaliex nies li kellhom jiġu mwaqqfa milli jsuqu minħabba li saqu b’mod abbużiv u kontra l-liġi, ġew maħfura illegament wara ħlas illegali.  

L-għaqda Repubblika qalet illi dan ir-racket huwa għad-dannu tal-Istat Malti, għat-telf ta’ kull ċittadin ta’ rieda tajba kif ukoll jinvolvi turisti barranin.

Jekk dawn l-abbużi tassew seħħew, qedgħin iqegħdu lil pajjizna f’dawl ikrah fuq livell internazzjonali, bil-possibilta’ li jikkompromettu sors kbir ta’ dħul finanzjarju li jagħti għixien lil tant familji – it-turizmu.

Repubblika qed teżiġi li sakemm tibda l-investigazzjoni maġisterjali, il-pulizija u l-awtoritajiet għandhom jieħdu l-passi kollha neċessarji biex jizguraw li ma jkun hemm l-ebda tbagħbis biex tinqered l-evidenza.