Bernard Grech jisħaq li l-Gvern ma jistax jibqa’ jilgħab bis-sigurtà u s-saħħa tal-poplu
“Flimkien mal-poplu rridu nibdew nimxu ‘l quddiem – irridu insaħħu lill-pajjiż sabiex ikompli fil-mixja tiegħu ta’ nazzjon indipendenti ‘l bogħod mill-ħakma ta’ kriminali li qed jisirqu d-dinjità tal-familji Maltin u Għawdxin.”
Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech matul intervista li għamel fuq l-istazzjon tar-radju Net FM fejn ħabbar l-attivitajiet f’okkażżjoni tas-60 anniversarju minn meta Malta kisbet l-Indipendenza tagħha grazzi għal ħidma ta’ Gvern Nazzjonalista.
Bernard Grech spjega li matul ix-xahar ta’ Settembru se jkun hemm diversi attivitajiet organizzati mill-Partit Nazzjonalista, attivitajiet li se jkunu qed jingħataw bidu proprju nhar it-Tlieta, 3 ta’ Settembru f’Tas-Sliema u li se jilħqu l-qofol tagħhom fl-20 ta’ Settembru lejlet l-Jum tal-Indipendenza permezz ta’ Mass Meeting.
Huwa insista li tul dawn l-attivitajiet se tiġi spjegata l-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għat-triq ‘il quddiem.
Bernard Grech sostna li tajjeb li nħarsu lura lejn minn fejn ġejna iżda wasal iż-żmien li nħarsu wkoll ‘il quddiem sabiex verament dan il-pajjiż jibda jaqleb folja għall-aħjar.
B’rabta mal-aħħar skandlu żvelat mill-Avukat Jason Azzopardi, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li m’hemmx entità waħda taħt Byron Camilleri li allegatament mhux imċappsa u staqsa kif il-Prim Ministru Robert Abela għad għandu fiduċja fil-Ministru.
Huwa insista li l-poplu jeħtieġ li jkollu fiduċja f’min qiegħed imexxih u mhux isir jaf bi skandlu wieħed wara l-ieħor; b’dawn tal-aħħar ikunu l-allegat skandlu fil-LESA u fid-Dipartiment ta’ Identità.
Bernard Grech sostna li tama ġdida jista’ jagħtiha biss Gvern ġdid Nazzjonalista u insista li l-poplu jeħtieġlu ħelsien ġdid hekk kif qed iħossu mjassar minn Gvern imfixkel u mgħobbi b’nuqqasijiet kbar li għamel fl-aħħar 11-il sena.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li dan huwa Gvern li qed jilgħab bis-saħħa tal-poplu, li seraq minn saħħet il-familji Maltin u Għawdxin – u filwaqt li faħħar il-ħidma tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa huwa qal li dawn mhux qed ilaħqu fl-isptar għax ma jistgħux bil-konsegwenza li jkollok ċirkustanzi fl-emerġenza tal-Isptar Mater Dei bħal ma seħħ fl-aħħar jiem, bil-mewt ta’ raġel waqt li kien qiegħed jistenna l-kura fis-sala ta’ stennija tal-Emerġenza.
Bernard Grech insista li l-poplu għandu jiġi l-ewwel u qabel kollox iżda minflok il-ħafna wegħdiet, il-miljuni ta’ ewro mit-taxxi tal-poplu marru fl-akbar frodi li qatt kellna f’pajjiżna.
Bernard Grech tenna li pajjiżna jeħtieġ tmexxija bil-għaqal u serjetà, triq ‘il quddiem bi tmexxija ta’ Gvern Nazzjonalista li verament jaħdem fil-libertà għal ħelsien ġdid tal-poplu Malti.
//= $special ?>