“Għawdex jeħtieġ viżjoni fit-tul, bi pjan strateġiku u konnettività effiċjenti; bil-għan li l-Għawdxin jkollhom ħajja aħjar.”
Dan kien is-sentiment li twassal fid-Dokument ta’ Qabel il-Budget imħejji mill-Kamra tan-Negozju t’Għawdex – dokument li tkellem fuq numru ta’ setturi li preżentament qed jaffaċċjaw sfidi kbar.
Il-konnettività bejn Malta u Għawdex għal sena oħra baqgħet prijorità għall-Kamra tan-Negozju t’Għawdex fejn saħqet fuq il-bżonn li jittieħdu deċiżjonijiet fit-tul għal dan is-settur. Apparti minn hekk, intqal ukoll li hemm bżonn flotta ġdida ta’ vapuri hekk kif il-vapur second hand Nikolaus għandu ħafna nuqqasijiet – speċjalment b’rabta ma’ aċċessibilità.
Minn naħa l-oħra, it-tliet vapuri l-oħra tal-Gozo Channel ilhom joperaw snin kbar u jeħtieġ li dawn jiġu aġġornati. Saħqu wkoll fuq il-ħtieġa li jkun hemm il-ħames vapur, sabiex is-servizz ikun aktar effiċjenti.
Fil-konfront tal-infrastruttura, il-Gozo Business Chamber saħqet li hemm bżonn ta’ deċiżjoni strateġika b’rabta mat-tkabbir tal-port jew li jinbena wieħed alternattiv; għaliex il-Port tal-Imġarr qed ibati minn ħafna nuqqasijiet kaġun tal-fatt li s-servizzi kollha qed joperaw mill-istess post.
Dwar is-settur tas-saħħa, il-Kamra sostniet li l-master plan li tħabbar għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex għandu jiġi implimentat minnufih sabiex jiġu offruti aktar servizzi f’Għawdex. Dan għaliex preżentament numru ta’ persuni qed ikollhom imorru Malta għal ċertu servizzi.
U hekk kif għal sajf ieħor il-Gżejjer Maltin esperjenzaw qtugħ fil-provvista tal-elettriku għal sigħat twal, il-Kamra tan-Negozju ta’ Għawdex sostniet li hemm bżonn tibdil fl-infrastruttura sabiex b’hekk tkun indirizzata l-isfida li ġabet magħha l-isplużjoni fil-popolazzjoni.
Dan filwaqt illi proponew biex f’Għawdex ikun hemm użu akbar ta’ enerġija rinovabbli sabiex is-servizz tal-elettriku jkun garantit.
Il-Kamra tan-Negozju t’Għawdex appellat lill-Gvern sabiex verament jirrifletti fuq direzzjoni strateġika għal din il-Gżira u biex Għawdex jerġa’ jkun prijorità.
//= $special ?>