Internazzjonali

Il-Ġermanja: Afgani deportati f’miżura ta’ sigurtà

Fl-aħħar sigħat, telaq mill-Ġermanja ajruplan mgħobbi bi 28 Afgan li kienu qed jintbagħtu lura pajjiżhom…

Dan wara li l-Gvern Ġermaniż ħalef biex isaħħaħ il-liġijiet dwar il-kenn politiku wara l-attakk terroristiku ta’ Mejju fil-belt ta’ Mannheim….Attakk li fih aggressur b’sikkina – identifikat bħala refuġjat Afgan — kien qatel pulizija filwaqt li ħalla wkoll diversi midruba.

L-ajruplan – Boeing 787 tal-Qatar Airlines — telaq minn Leipzig bil-ħsieb li jinżel f’Kabul matul il-lejl.  L-Afgani abbord kienu kriminali li spiċċaw ikkundannati mill-qrati f’diversi Stati Ġermaniżi u li l-Ministeru għall-Intern f’Berlin kien għażilhom għar-ripatrijazzjoni.

Id-deportazzjonijiet inkwistjoni huma l-ewwel tal-Afgani mill-Ġermanja mindu l-militanti Iżlamiċi tat-Taliban ħadu lura l-kontroll tal-Afganistan f’Awwissu tal-2021. Dan fost rapporti li d-deportazzjonijiet setgħu jkunu realizzati wara xhur ta’ ippjanar u negozjati.