“Assolutament m’hemmx kriżi fis-settur tas-saħħa, żgur li mhux qegħdin fi kriżi.”
Hekk stqarr għal aktar minn darba l-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela waqt diskussjoni max-Shadow Minister Adrian Delia. Bil-Ministru jgħid bl-aktar mod ċar li s-settur tas-saħħa mhuwiex fi kriżi.
Fl-aħħar xhur numru ta’ persuni rrakkuntaw kif qattgħu sigħat twal jistennew sabiex jinqdew fl-Emerġenza anke meta kellhom uġigħ kbir. Dan apparti li l-isptar Mater Dei spiċċa bil-pazjenti fil-kurituri kaġun tan-nuqqas ta’ spazju. Bl-aħħar storja tkun dik tal-pazjent illi saħansitra spiċċa miet fil-waiting room.
Minn naha tieghu, id-deputat Adrian Delia qal li ma jaqbilx totalment mad-dikjarazzjoni ta’ Abela li m’hemmx kriżi fis-saħħa bil-Ministru jispiċċa jgħid li ma qalx hekk.
Il-Ministru tas-Saħħa qal li ta’ kuljum fl-Emerġenza jaraw bejn 200 u 250 pazjent. Dan filwaqt illi qal ukoll li l-ħin ta’ stennija baqa’ l-istess tul is-snin – minkejja li l-ilmenti tal-persuni li jmorru l-isptar Mater Dei qed jiżdiedu jum wara l-ieħor.
Hawnhekk, Adrian Delia semma numru ta’ każijiet ta’ persuni li saħansitra damu jistennew sa 14-il siegħa; bil-Ministru Abela jgħid li l-ħin ta’ stennija huwa ta’ madwar ħames sigħat.
Barra minn hekk, waqt id-diskussjoni twassal l-appell dwar il-bżonn ta’ sptar ġdid f’pajjiżna sabiex ikun jista’ ilaħħaq mal-isplużjoni fil-popolazzjoni. Iżda meta Adrian Delia saqsa jekk hemmx timeline dwar meta se tittaffa l-pressjoni minn fuq l-Emerġenza l-Ministru Jo Etienne Abela rrifjuta li jipprovdi data.
Il-Ministru stqarr illi preżentament l-Isptar Mater Dei qed jaħdem bi 350 infermier inqas, u li m’hemmx biżejjed tobba li jispeċjalizzaw fl-Emerġenza.
//= $special ?>