Il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi, li hu responsabbli mill-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, ma weġibx jekk kienx ikkonsultat mill-Prim Ministru qabel ħoloq pożizzjoni għal Jason Micallef bħala Delegat Speċjali tal-Amminstrazzjoni dwar l-Implimentazzjoni tal-Manifest Elettorali.
Jason Micallef kien ingħata din il-kariga bħala parti minn “kompromess” li ċeda għalih Robert Abela – kariga li ċertament tħawwad l-irwol partiġjan ma’ dak statali. Kariga li ingħata, għaliex ħalla lil Alex Agius Saliba joħroġ hu għal Deputy Leader – li iżda, fil-verita, se tkun qed tfisser li xorta waħda Micallef, effettivament, se jkollu kontroll assolut.
Mistoqsi jekk kienx ikkonsultat dwar dan kollu, Zrinzo Azzopardi ma weġibx.
Dwar l-implimentazzjoni tal-Manifest, Net News staqsa lill-Ministru responsabbli meta se jiftaħ iċ-Ċentru Reġjonali ta’ Raħal Ġdid; ċentru tas-saħħa li suppost issa ilu miftuħ xejn inqas minn 4 snin.
Madanakollu s’issa dan għadu bil-bibien magħluqa u mhux funzjonanti għad-detriment tal-familji Maltin u Għawdxin.
U issa li hemm saħansitra żewġ persuni responsabbli mill-implimentazzjoni ta’ wegħda numru 472 tal-Manifest Elettorali Malta Flimkien, wegħda li ironikament kienet tgħid li l-Paola Health Hub kellu jinfetaħ sal-aħħar tas-sena 2022 – il-Ministru ma kienx kapaċi jirrispondi meta dan se jinfetaħ.
Intant, fl-aħħar jiem il-Kamra tal-Kummerċ waqt it-tnedija tal-Pre-Budget Document, saħqet li minn 219-il proposta preżentati s-sena l-oħra bi tħejjija għall-aħħar Budget, il-Gvern implimenta 4 biss u kompliet issostni li pajjiżna jeħtieġlu CPR – bil-Ministru Zrinzo Azzopardi jgħid li għalkemm hemm affarijiet x’tirranġa, il-Gvern Laburista għamel ħafna.
//= $special ?>