Il-Kap Eżekuttiv tal-LESA Svetlick Flores ċaħad kategorikament l-allegazzjonijiet tal-Avukat Jason Azzopardi li qed jitlob li ssir Inkjesta Maġisterjali b’urġenza b’rabta ma’ allegat racket u frodi fejn għandhom x’jaqsmu punti penali u multi b’rabta ma’ kontravenzjonijiet ta’ traffiku.
L-Avukat Jason Azzopardi allega li l-Kap Eżekuttiv Svetlick Flores flimkien ma’ uffiċjal tal-Customer Care Neville Camilleri kienu saħansitra jiffalsifikaw dokumenti u agreements b’firem foloz ta’ turisti li allegatament kienu qed jispiċċaw vittmi ta’ din l-allegata racket – kemm bil-punti kif ukoll biċ-ċitazzjonijiet u multi.
Flores u l-bqija tal-LESA saħqu li, “Dwar it-trasferiment ta’ punti penali effettivi ta’ xufiera, l-aġenzija tiproċessa kull talba, mhux biss dawk marbuta ma’ vetturi tal-kiri, wara li jsiru numru ta’ kontrolli. Liema trasferiment dwaru tiġi ffirmata dikjarazzjoni minn sid il-vettura u x-xufier konċernat, li tkun provduta lill-Aġenzija jew b’mod fiżiku jew permezz ta’ sistema onlajn.”
Svetlick Flores kompla jisħaq li, “Fejn ikun hemm suspett ta’ kwalunkwe abbuż minn min jaghmel id-dokument jintalab li isir rapport lill-Pulizija. Dan biex tittieħed kwalunkwe azzjoni neċessarja skont il-liġi u dan kollu jibqa’ dokumentat fis-sistemi tal-aġenzija.”
Il-LESA saħqet ukoll li l-ħlas ta’ kwalunkwe kontravenzjoni tibqa’ fir-responsabbiltà assoluta ta’ sid il-vettura, f’każ li tali ħlas ma jsirx, il-liċenzja taċ-ċirkolazzjoni tal-vettura involuti ma tiġix imġedda mill-Awtorità għat-Trasport.
Filwaqt li l-Aġenzija LESA lesta tikkollabora ma kwalunkwe investigatur.
Intant il-Minsitru Byron Camilleri permezz ta’ post fuq Facebook ċaħad l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu u saħaq li hu dejjem mexa b’integrità.
Hekk ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li ċaħad b’mod assolut l-allegazzjonijiet li hu jew Camilleri kienu konxji tal-allegat skandlu.
//= $special ?>