Raġel ta’ 47 sena mis-Siġġiewi għandu jingħata sentenza fil-futur qarib wara li ammetta li hedded li se jkisser tazza f’wiċċ is-sieħba tiegħu, minħabba li diversi irġiel kienu qed jagħtuha ħafna attenzjoni waqt vaganza f’Sardinja.
L-imputat tressaq quddiem il-maġistrat Abigail Critien, il-Ħamis fuq akkużi li kkawża lill-mara biża’ li se tintuża vjolenza fuqha u fuq il-proprjetà tagħha, u użu ħażin ta’ tagħmir elettroniku tat-telekomunikazzjoni.
Ir-raġel hu mifhum li hedded li jkisser tazza f’wiċċ il-mara wara li grupp ta’ rġiel bdew jagħtuha wisq attenzjoni, xi ħaġa li hu ma xejn pjaċir biha. Il-mara kienet issospendiet il-vaganza tagħha u ġiet lura Malta l-għada, bir-raġel jiġi arrestat mar-ritorn tiegħu, ftit tal-jiem wara.
Il-każ ġie diskuss privatament mill-avukati tal-partijiet u l-maġistrat, barra mis-smigħ tal-pubbliku fl-awla.
Wara li l-partijiet reġgħu lura f’posthom fl-awla, ir-raġel wieġeb ħati, u kkonferma l-ħtija tiegħu wara li ngħata l-ħin biex jerġa’ jikkunsidra l-ammissjoni.
Il-libertà proviżorja ntalbet wara li l-Qorti ħabbret li se tkun qed tagħti s-sentenza nhar it-Tlieta.
Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza.
Ir-raġel ingħata l-ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000, bil-Qorti tordna lir-raġel josserva curfew. Inħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma, bil-qorti tordna lir-raġel biex ma jipprovax jikkomunika mal-mara jew javviċinaha.
L-Avukat Charles Mercieca assista lill-imputat. L-Ispetturi Colin Sheldon u Christian Cauchi mexxew il-prosekuzzjoni. Il-Qorti kinet ippreseduta mill-Maġistrat Abigail Critien.
//= $special ?>