L-MVRLA – il-Malta Vehicle Rental and Lease Association ikkundannat b’mod ċar u tond l-aġir allegat matul il-jum tal-Ġimgħa, allegat aġir li l-MVRLA ddeskrivietu bħala wieħed li ċertament ipoġġi f’għajn ħażina l-maġġoranza tal-operaturi fil-qasam tal-kiri tal-vetturi li sa minn dejjem operaw b’mod professjonali f’din l-industrija.
Matul il-jum tal-Ġimgħa ġie allegat, mill-Avukat Jason Azzopardi, li hemm skandlu fi ħdan il-LESA li jinvolvi operaturi tal-kiri tal-karozzi, uffiċjali għolja fi ħdan il-LESA nfsiha kif ukoll allegatament uffiċjali mill-Customer Care tal-Partit Laburista.
L-MVRLA insistiet li dejjem ħeġġet lill-membri tagħha sabiex joperaw b’mod professjonali, filwaqt li appellat għal aktar riformi bil-għan li jitjiebu l-istandards li joperaw bihom l-imsieħba fl-industrija taħt l-Operator License.
Fost oħrajn l-assoċjazzjoni appellat għal riformi fil-proċess dwar kif il-kontravenzjonijiet tat-traffiku kif ukoll il-punti ta’ penalizzazzjoni jiġu proċessati.
L-MVRLA ddeskriviet is-sistema preżenti bħala waħda ineffiċjenti u li qed tibki għal riforma urġenti filwaqt li saħqet li minkejja n-numru ta’ diskussjonijiet li kellha ma’ LESA, Transport Malta kif ukoll mal-Ministeru tat-Trasport biex dawn ir-riformi jiġu implimentati d-diskussjonijiet s’issa għadhom għaddejjin.
Intant l-Assoċjazzjoni spjegat li se tkun qed tikkolabora bi sħiħ mal-awtoritajiet konċernati.
//= $special ?>