Lokali

“Miriam Dalli ħatja li abbużat għal skopijiet partiġġjani” – PN

“Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika sab lill-Ministru Miriam Dalli ħatja li abbużat minn riżorsi tal-poplu biex tattakka lill-Partit Nazzjonalista u tipprova tiskorja punti politiċi għall-Partit Laburista”. Dan intqal fi stqarrija maħruġa mix-Shadow Minister għall-Ġustizzja Karol Aquilina.

F’rapport ippubblikat illum, il-Kummissarju qabel mal-ilment imressaq minn Karol Aquilina f’isem il-Partit Nazzjonalista fi Frar li għadda, talab lill-Ministru Dalli tiskuża ruħha u torbot lilha nnifisha li ma tirrepetix dan l-abbuż.

L-ilment kien jitratta stqarrija b’kontenut partiġġjan li l-Ministru Miriam Dalli ħarġet permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni. Il-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika qabel li partijiet minn din l-istqarrija “jesorbitaw minn dak li għandu jkun kontenut fi stqarrijiet uffiċjali maħruġa minn dipartiment governattiv”.

Għalhekk, il-Kummissarju sab lil-Ministru Miriam Dalli ħatja li kisret l-Artikoli 4.9, 4.10 u 7.4 tal-Kodiċi ta’ Etika għall-Ministri u Segretarji Parlamentari, jiġifieri li:

1. Abbużat mill-influwenza tagħha fuq is-Servizz Pubbliku;

2. Ma żammitx separati r-rwoli tagħha bħala Ministru u bħala Deputat, kif ukoll ir-rwol tagħha bħala membru ta’ partit politiku; u

3. Ma rrispettatx il-prinċipju tal-imparzjalità politika tas-Servizz Pubbliku.

Filwaqt li jilqa’ din id-deċiżjoni tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Partit Nazzjonalista jinnota li l-Gvern ilu s-snin ikaxkar saqajh u jinjora r-rakkomandazzjonijiet ta’ Kummissarju wara l-ieħor biex titfassal ‘policy’ dwar x’tip ta’ stqarrijiet jistgħu jinħarġu permezz tad-Dipartiment tal-Informazzjoni.

Il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jiġġieled kull abbuż minn riżorsi pubbliċi u se jibqa’ jinsisti li d-dipartimenti tal-Gvern u r-riżorsi tal-poplu jintużaw biss b’risq il-poplu.