Lokali

Robert Abela jibqa’ jaħrab stedina ta’ NET TV għal intervista

Matul ix-xahar ta’ Awwissu, il-Prim Ministru Robert Abela sab ħin għal intervista ma’ siti partikolari – iżda qed jibqa’ jaħrab l-istedina li saret minn Net News.

Aktar kmieni dan ix-xahar, dan l-istazzjon bagħat stedina b’email lill-Prim Ministru direttament sabiex nagħmlu intervista miegħu one-on-one fuq temi kurrenti u issues li qed jolqtu direttament lin-nies.

Din il-korrispondenza ġiet mibgħuta fis-17 t’Awwissu li għadda, wara l-waqfa għall-ġranet ta’ Santa Marija. Iżda sa issa, ħadd minn Kastilja għadu ma wieġeb. U l-Prim Ministru innifsu qed jaħrab milli jagħtina data għal intervista.

Agħar minn hekk, lanqas biss ġiet rikonoxxuta l-email mibgħuta minn Net News – minkejja li intbgħatu żewġ reminders.

F’dan il-perijodu, l-istess Robert Abela sab ħin ipoġġi għad-domandi li sarulu mis-siti LovinMalta u Malta Daily. Dan apparti li stieden ġurnalist ta’ Newsbook biex jintervistah.

Iżda għal xi raġuni, qed jibqa’ jaħrab id-domandi ta’ Net News.

L-email mibgħuta minn dan l-istazzjon kienet indirizzata wkoll liċ-Chief of Staff tiegħu Mark Mallia, u l-Kap tal-Komunikazzjoni Edward Montebello. Lanqas dawn ma wieġbu.

Din mhix l-ewwel darba li Abela evita li jpoġġi ruħu għall-iskrutinju tal-media, filwaqt li l-Prim Ministru ilu snin jaħrab minn dibattitu dirett mal-Kap tal-PN Bernard Grech.

U waqt li qed ikompli jaħrab it-temi jaħarqu ta’ bħalissa, din il-ġimgħa Abela żar il-Life Sciences Park – l-istess post li fih għad hemm il-proġett tas-Cyclotron għall-kura tal-kanċer. Liema proġett, li suppost sar mill-Vitals u Steward, għadu sa issa fil-kaxxi – ma jaħdimx.