Internazzjonali

Stati Uniti: Kamala Harris titkellem dwar it-tragwardi politiċi waqt intervista sinifikanti lis-CNN

S

Il-Viċi-President tal-Istati Uniti Kamala Harris mill-ġdid għamlitha ċara li – f’każ li tkun eletta President ta’ pajjiżha – għandha tintroduċi stil ġdid ta’ politika li ma għandu x’jaqsam xejn mar-retorika diviżiva u intolleranti ta’ Donald Trump; il-kandidat tal-Partit Repubblikan u r-rivali kbir tagħha għall-White House.

Harris u Trump, f’Novembru, jikkuntestaw kontra xulxin għat-tmexxija tal-Istati Uniti u meta l-pajjiż qed jiffaċċja ħafna impenji diffiċli – b’mod partikulari fuq il-front internazzjonali. Dan meta l-Gvern f’Washington, illum, qed jipprova jikkontrolla s-sitwazzjonijiet allarmanti li qed jiżviluppaw fil-Lvant Nofsani u fost il-moniteraġġ tal-kunflitt li għaddej bħalissa fl-Ukrajna.

L-Istati Uniti anki qed tiffaċċja l-qawmien taċ-Ċina komunista bħala super-potenza ekonomika u li għandha wkoll l-ambizzjonijiet territorjali….Ambizzjonijiet li kapaċi, ‘il quddiem, jinvolvu kampanja militari bl-iskop li l-gżira Stat sovrana tat-Tajwan tingħaqad mat-territorju taċ-Ċina– u meta l-Istati Uniti hi impenjata biex tiddefendi lit-Tajwaniżi akkost ta’ kollox.

Sadanittamt,Kamala Harris spjegat il-pożizzjoni tagħha, flimkien mal-viżjoni għall-futur, waqt l-ewwel intervista li tat mindu kienet ikkonfermata kandidat tal-Partit Demokratiku għall-White House….Kandidatura li tidher li għandha l-appoġġ tad-Demokratiċi kollha wara li l-President Amerikan attwali, Joe Biden, aktar kmieni fis-sajf, iddeċieda li ma jikkuntestax għal tieni mandat tal-Presidenza.

Magħha għall-intervista lill-Istazzjon CNN kien hemm Tim Walz, il-Gvernatur ta’ Minnesota u r-running mate ta’ Harris fuq it-tikketta tad-Demokratiċi. F’każ li Harris tirbaħ il-Presidenza Amerikana f’Novembru, Walz għandu jilħaq awtomatikament bħala l-Viċi-President tagħha skont il-proċess elettorali stabbilit fl-Istati Uniti.

Livell akbar ta’ moderazzjoni

Intant, Kamala Harris,waqt l-intervista, iddefendiet lilha nnfisha talli biddlet il-pożizzjoni diversi drabi fuq numru ta’ kwistjonijet importanti fuq livell internazzjonali.

L-issues inkwistjoni fost oħrajn jinvolvu l-politika tagħha dwar l-immigrazzjoni u l-klima u meta Harris qed turi livell akbar ta’ moderazzjoni mindu hi, fl-2019, ikkuntestat kontra Joe Biden għan-nomina tal-Partit Demokratiku – u d-dritt li tisfida lill-eks President Amerikan Donald Trump.

Meta spjegat is-sitwazzjoni lil Dana Bash tas-CNN, Kamala Harris qalet li l-aktar aspett sinifikanti tal-perspettiva politika tagħha hu li l-valuri tagħha għadhom l-istess – u bid-deċiżjonijiet li tieħu qed jibbażaw proprju fuq dawn il-valuri.

U waqt li hi insistiet li beħsiebha ddaħħal politika aktar inklussiv u tolleranti, Donald Trump wieġeb, f’messaġġ fuq il-media soċjali, li l-intervista lil Harris ma qanqlitlu l-ebda interess filwaqt li fissirha wkoll bħala ‘frodista minn lat ta’ politika’.

Intant, hu minnu li l-istħarriġ popolari fl-Istati Uniti jindika li l-votanti għandhom jippreferu l-politika ekonomika li sar magħruf għaliha Donald Trump…U fil-fatt, Kamala Harris kienet sfurzata li tiddefendi r-rekord  tal-Gvern tagħha għal dawn is-snin li ilu jmexxi lill-ekonomija nazzjonali. Dan waqt li dejjem aktar  Amerikani, illum, qegħdin jinqarsu mir-rati konsistenti tal-inflazzjoni  u l-għoli tal-ħajja.

Min-naħa tagħha, Kamala Harris, waqt l-intervista, kellha tiffaċċja domanda speċifika biex tispjega għalfejn hi ma implimentatx diġà l-ideat tagħha biex ittaffi mill-problemi ekonomiċi għal daqstant familji Amerikani. Hi, sadanittant, wieġbet li l-Gvern tagħha diġà wettaq ħidma siewja fost l-introduzzjoni ta’ proġetti għat-tkattir tax-xogħol ‘u meta (il-Gvern) jaf ukoll li għad fadal ħafna xi jsir’.