“Minħabba l-inkompetenza tagħkom miet raġel. Inkjesta wara oħra u ħadd mhu jerfa’ responsabbiltà. Pajjiz fejn kulħadd jitħanżer. Fallejtu mal-poplu f’kollox.”
Dawn huma biss ftit mill-mijiet ta’ kummenti taħt il-filmat ta’ Net News li wera lill-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela skomdu għall-aħħar quddiem id-domandi tal-ġurnalisti tagħna. Dan wara li din il-ġimgħa ġiet żvelata l-aħbar li raġel spiċċa tilef ħajtu waqt li kien qiegħed jistenna fl-Emerġenza b’uġigħ kbir f’sidru.
Meta l-Ministru Abela kien qed iwieġeb id-domandi huwa ddeċieda li bl-ebda mod ma jikkummenta dwar dan il-każ – bi skuża li hemm l-inkjesti.
Wara li ġie ppubblikat dan il-filmat mijiet ta’ persuni sostnew li l-Gvern ta’ Robert Abela falla f’kollox, fejn issa anke qed jispiċċaw imutu n-nies b’dan il-mod. Persuni oħra qalu li issa l-poplu qed jistenna li xi ħadd jerfa’ responsabbiltà għal dan il-każ serju, b’oħrajn qalu wkoll li minkejja l-Inkjesti li qed isiru mhi qed tintrefa’ l-ebda responsabbiltà.
Numru ta’ individwi rreferew ukoll għall-islogan tal-Labour waqt l-elezzjonijiet li għaddew u qalu li flok il-Labour taw is-saħħa lil Maltin spiċċaw serquha – tant li issa l-pajjiż verament mess il-qiegħ. Dan filwaqt li kien hemm numru sostanzjali ta’ kummenti li kkundannaw l-aġir tal-Ministru Jo Etienne Abela u ddeskrivewh bħala arroganti u insensittiv; fejn hawnhekk spikkaw l-appelli sabiex il-Ministru jirreżenja.
Intant, b’rabta ma’ dan il-każ li kkawża rabja kbira fost il-poplu, għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà politika. U l-Prim Ministru baqa ma lissen ebda kelma dwar dan il-każ serju li sewa ħajja ta’ raġel.
//= $special ?>