Kunsilli Lokali Lokali Transport

Transport Malta taqbad u tbiddel deċiżjoni tal-Kunsill Lokali tal-Mosta

Waqt li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għaddej bi proċess importanti dwar l-aħjar pjan li għandu jiġi implimentat għall-pjazza ta’ quddiem ir-Rotunda, Transport Malta qabdet u bidlet id-deċiżjoni inizjali li kien ħa l-Kunsill.

Issa, il-Gvern, permezz ta’ Transport Malta se jkun qed jagħlaq l-pjazza tal-Mosta kull nhar ta’ Ġimgħa u s-Sibt filgħaxija. Dan minkejja d-deċiżjoni ċara tal-Kunsill Lokali Mosta sabiex dan l-għeluq ikun revokat għalissa sakemm titlesta il-konsultazzjoni mar-residenti, in-negozji u l-għaqdiet dwar dan l-għeluq.

Il-Kunsill Lokali stqarr illi jinsab diżappuntat ferm b’dan l-aġir ta’ TM li qed tgħaddi gaffa minn fuq dak li l-Kunsill Lokali jħoss li huwa l-aħjar għall-Mostin.

Il-Kunsill fakkar li din il-policy tal-Gvern ma tistax tiġi applikata mingħajr ippjanar u konsultazzjoni, għaliex b’dak li ser jiġri ser ikunu qed ibatu r-residenti Mostin. Dan minħabba n-natura partikolari tal-Pjazza tal-Mosta, li mhux biss hija pjazza imma wkoll arterja ewlenija tat-traffiku li meta tingħalaq titfa t-traffiku kollu ġo toroq residenzjali.

Il-Kunsill Lokali tal-Mosta qal illi ser jibqa jaħdem favur l-aħjar interess tar-residenti Mosta kollha u mhu ser iħalli lill-ebda awtorita tuża s-saħħa tagħha sabiex tintimida lill-Kunsill Mosti.