It-tielet bejta tal-fkieren li nstabet fit-13 ta’ Lulju 2024 fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra, Għawdex, issa faqset għal kollox wara tlett ijiem ta’ antiċipazzjoni.
Illum il-bejta ġiet skavata mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA), Nature Trust Malta (NTM), u veterinarju kwalifikat, biex jiġi determinat kemm-il fekruna ħarget mill-bejta. Minn total ta’ 88 bajda, 81 faqqsu u issa bdew il-vjaġġ tagħhom lejn il-baħar, fejn 12 minnhom kienu għadhom ma ħarġux mill-bejta. Ħames bejtiet oħra huma mistennija li jfaqqsu fil-ġimgħat li ġejjin, f’dan l-istaġun li fih inkisru ir-rekords.
Hekk kif dawn il-fkieren jaqbdu triqithom lejn il-baħar, l-ERA wasslet l-appelli tagħha biex wieħed joqgħod aktar attent madwar il-bejtiet. Jekk wieħed ikun preżenti waqt li qiegħda tfaqqas xi bejta, wieħed għandu jevita li juża’ dwal jew fotografija bil-flash, u jżomm l-istorbju kemm jista’ jkun baxx.
//= $special ?>