Lokali

Anzjana fil-periklu tal-mewt wara inċident bir-rota f’Ħ’Attard

Anzjana ta’ 61 sena, residenti Ħ’Attard, tinsab fil-periklu tal-mewt wara inċident bir-rota.

L-inċident seħħ għall-ħabta tal-10am fi Triq il-Għenba, f’Ħ’Attard.

Meta l-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm persuna li ġarrbet xi ġrieħi kawża ta’ inċident tat-traffiku, minnufih marru fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li waqt li l-mara kienet qed issuq r-rota, ħabtet ma’ karozza li kienet ipparkjata.

L-anzjana ngħatat l-għajnuna minn tim mediku u ttieħdet l-Isptar Mater Dei b’ambulanza. Aktar
tard kienet iċċertifikata bi ġrieħi serji.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident għadhom għaddejjin.