Futbol Sport

Arsenal miżmuma fi draw minn Brighton… it-tieni hat-trick konsekuttiva għal Erling Haaland

Fl-ewwel partita skedata għas-Sibt, fl-Emirates Stadium Arsenal kienu miżmuma fi draw ta’ 1-1 minn Brighton. Bla dubju l-iżvolta f’din il-partita kienet il-karta ħamra li ngħata Declan Rice fil-bidu tat-tieni taqsima. Arsenal kif ukoll Brighton daħlu għal dan il-konfront b’sitt punti minn żewġ partiti, bit-tim immexxi minn Mikel Arteta jiddetta l-ewwel minuti tal-partita.

Bukayo Saka kien insidjuż mil-linja leminijia u kien influwenti fil-gowl ta’ Arsenal li fetaħ l-iskor fit-38 minuta meta Saka għadda tajjeb lejn Kai Havertz, bil-Ġermaniż iqabbeż minn fuq Verbruggen għal 1-0. Fit-tieni taqsima Arsenal ħadu wkoll ir-riedni f’idejhom sakemm fid-49 minuta tkeċċa l-midfielder Declan Rice, għat-tieni karta safra wara inċident bla ballun ma’ Joel Veltman. B’għaxar plejers, Arsenal ma setgħux ikomplu jiddominaw il-partita u Brighton kienu aktar offensivi sakemm kisbu l-gowl tad-draw fit-58 minuta permzz ta’ Joao Pedro għal skor finali ta’ 1-1.

Intant fil-London Stadium Manchester City u Erling Haaland inevitabbli b’HAT-TRICK oħra u rebħa ta’ 3-1 fuq West Ham United. Il-gowl ta’ West Ham kien skorjat minn awto gowl ta’ Ruben Dias biex b’hekk Man City telgħu fl-ewwel post tal-klassifika b’punti massimi mill-ewwel tliet partiti.