Sorsi qrib l-investigazzjoni li tkellmu ma’ diversi kmamar tal-aħbarijiet ikkonfermaw li fil-filmati tal-kameras tas-sigurtà, Stephen Mangion ma ttiħidx l-Isptar Mater Dei b’ambulanza wara li żar il-poliklinika tal-Furjana.
Il-kameras tas-sigurtà juru li Stephen Mangion kien akkumpanjat minn ħabib tiegħu li ħadu l-emerġenza wara li ma ġiex offrut servizz ta’ ambulanza. Dan minkejja li Mangion beda jisħaq li għandu uġigħ kbir f’qalbu.
Dwar dan il-każ, illum bdew jinstemgħu l-ewwel xhieda fl-Inkjesta Maġisterjali, fosthom l-eks mara ta’ Mangion u anke xi qraba tiegħu.
Bis-sorsi qalu li Mangion għadda mill-proċess li jiddetermina kemm il-kundizzjoni tiegħu hi serja, b’dan b’xi mod irriżulta fl-istennija ta’ 20 minuta… minkejja li, mill-ġdid, Mangion kien qed iżomm sidru bl-uġigħ u beda jitlobhom biex jarawh minnufih.
Saret ukoll l-awtopsja fuq il-ġisem ta’ Mangion li jidher li huwa miet bi problemi li kellu f’qalbu filwaqt li kien ukoll ibati minn pressjoni għolja – xi ħaġa li affettwalu n-naħa tax-xellug ta’ qalbu.
Wara din it-traġedja, il-Ministru tas-Saħħa Jo Etienne Abela ma sejjaħ ebda konferenza tal-aħbarijiet biex iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti. Iżda minflok tefa’ żewġ sentenzi fuq Facebook. Imbagħad, meta affaċċjat bid-domandi ta’ Net News xorta għażel li ma jikkummentax dwar dan il-każ, u wisq inqas ta soluzzjoni sabiex ma narawx mewta oħra ta’ dan it-tip.
//= $special ?>