Il-Kunsill Lokali tal-Mosta ħabbar li fuq inizjattiva tal-Gvern permezz ta’ Transport Malta, il-Pjazza tal-Mosta se tingħalaq kull nhar ta’ Ġimgħa u Sibt filgħaxija. Dan minkejja deċiżjoni mill-Kunsill Lokali Mosta sabiex dan l-għeluq ikun revokat sakemm titlesta konsultazzjoni wiesgħa mar-residenti, negozji u NGOs dwar dan l-għeluq.
Il-Kunsill Lokali qal li quddiem dan il-fatt, li saru jafu bih biss permezz ta’ email, jinsab diżappuntat ferm b’dan l-aġir ta’ Transport Malta li qed iqisuha bħala mezz kif tgħaddi gaffa minn fuq dak li l-Kunsill Lokali jħoss li huwa l-aħjar għall-Mostin.
Huma fakkru li mingħajr ippjanar u konsultazzjoni se jwassal biex ibatu r-residenti Mostin. Dan minħabba n-natura partikolari tal-Pjazza tal-Mosta, li mhux biss hija pjazza imma wkoll arterja ewlenija tat-traffiku li meta tingħalaq titfa’ t-traffiku kollu f’toroq residenzjali.
Il-Kunsill Lokali tal-Mosta qal li huwa se jibqa’ jaħdem favur l-aħjar interess tar-residenti Mosta kollha u mhu ser iħalli lill-ebda awtorità tuża’ s-saħħa tagħha sabiex tintimida lill-Kunsill Lokali.
//= $special ?>