Saltna tad-dritt? Saltna l-iżviluppaturi!
Il-poplu spiċċa mċaħħad mill-ġustizzja!
Qegħdin jitmejlu bil-Qrati!
Din kienet l-għajta li spikkat is-Sibt filgħodu fil-Belt Valletta, waqt konferenza tal-aħbarijiet organizzata mill-Moviment Graffitti flimkien ma’ disa’ għaqdiet ambjentali oħra quddiem Kastilja.
Fl-aħħar jiem, l-Awtorità tal-Ippjannar approvat numru ta’ applikazzjonijiet dwar żviluppi rregolari f’Għawdex – żviluppi li mhumiex konformi mal-liġijiet tal-ambjent u l-iżvilupp.
Mhux talli hekk, talli l-applikazzjonijiet oriġinali ta’ dawn l-iżviluppi, li diġà nbnew, ġew revokati mill-Prim Imħallef fil-Qorti tal-Appell.
Fi kliem l-għaqdiet, din is-sitwazzjoni hija inġusta, għaliex għalkemm il-Qorti kkundannat dawn l-iżviluppi, l-Awtorità tal-Ippjannar kellha l-ardir li taċċetta, tipproċċessa u saħanistra tapprova binjiet li mhumiex approvati skont il-policies tal-ippjanar. L-għaqdiet sejħu dawn il-manuvri bħala “frodi” b’detriment għall-poplu.
Jidher ċar li l-Awtorità tal-Ippjanar, għax m’għaddietx mill-bieb, ippruvat tgħaddi mit-tieqa u ġiet taqa’ u tqum mis-sentenza li ngħatat fil-Qorti tal-Appell.
Għaldaqstant, l-għaqdiet ambjentali saħqu li dan qed jhedded kemm is-sistema demokratika, kif ukoll is-saħħa fiżika u s-saħħa mentali tal-komunità. L-għaqdiet appellaw lill-Gvern sabiex jieqaf jagħmel ta’ rasu u jgħaddi romblu minn fuq kulħadd, mingħajr ma jqis il-konsegwenzi gravi li qed joħolqu dawn l-azzjonijiet.
//= $special ?>