Fi pjazza San Ġorg fil-Belt Valletta, ilbieraħ l-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta reġgħet wasslet il-kunċert annwali Opera in the Capital, kunċert li sa ftit tas-snin ilu lanqas konna noħolmuh.
Il-pjazza b’tant storja, għal ftit sigħat issa kienet riservata għall-mużika operistika, l-arji ta’ opri
famużi. Magħhom siltiet f’ripertorju aktar mexxej u anke wkoll xi ħaġa b’dak li jiddefinixxina li
aħna Maltin, kanzunetti bil-lingwa Maltija.
Protagonisti kienu s-sopran Nadia Vella u t-tenuri Alan Sciberras u Cliff Zammit Stevens,
vuċijiet ċelebri li kienu akkumpanjati mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta taħt id-direzzjoni ta’
Mro Michael Laus.
Il-kunċert fetaħ bl-overture mill-opra ‘I Vespri Siciliani’ ta’ Verdi u kompla bl-arji mill-opri
‘Carmen’ ta’ Bizet, ‘Don Pasquale’ u l-‘Elisir d’amore’ ta’ Donizetti. Minn ‘The Merry Widow’ ta’
Lehár smajna Lippen Schweigen. Il-kunċert tkompla bl-arja ‘È la solita storia del pastore’ minn
‘L’Arlesiana’ ta’ Cilea, segwita minn arji mill-opri ‘Roméo et Juliette’ u ‘Manon Lescaut’ ta’ Gounod
u Puccini rispettivament fejn kompla ħareġ l-artistrija tas-sopran Nadia Vella u t-tenuri Alan
Sciberras u Cliff Zammit Stevens.
Il-kunċert inkluda l-intermezz minn ‘Manon Lescaut’ ta’ Puccini li din is-sena qed jiċċelebra l-mitt
sena minn mewtu. It-tieni parti tal-kunċert kien aktar iffukat fuq xogħlijiet aktar mexxejja
fosthom ‘La vie en rose’ ta’ Louiguy u l-‘Musica Proibita’ ta’ Gastaldon. Minn ‘The Phantom of the
Opera’ ta’ Lloyd Webber smajna ‘All I Ask of You’. Spikkat ukoll il-kanzunetta ‘Fil-Qrib’ ta’ Philip Vella li għamlet suċċess lil Cliff Zammit Stevens fl-aħħar edizzjoni ta’ Mużika Mużika, ikklassifikat fit-tielet post, iżda f’Opera in the Capital kienet esegwita mit-tliet artisti Vella, Sciberras u Zammit Stevens. Il-kunċert ġie fi tmiemu bis-silta ‘Xemx’ ta’ Dominic Grech, is-suċċess kbir ta’ The Tramps lura fis-sebgħinijiet. B’arranġament ta’ Mro Joseph Debrincat, it-tliet protagonisti taw interpretazzjoni mill-aqwa.
L-encore kompla kien elettrifikanti bi tliet siltiet, waħda minnhom il-famuza ‘Il-Festa’ ta’
Charles Camilleri u Joe Friggieri. Il-kunċert issa ġie fi tmiemu bl-arja tal-Brindisi mill-opra La
traviata b’dawk preżenti jkantaw f’għeluq mill-aqwa.