Internazzjonali

Zelenskyy ikeċċi lill-kmandant tal-forza tal-ajru wara li ġġarraf l-ajruplan tal-gwerra F-16

Il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy keċċa lill-Kmandant tal-Forza tal-Ajru tal-pajjiż, erbat ijiem wara li ajruplan tal-gwerra F-16 iġġarraf u miet il-bdot waqt bumbardament Russu.

L-ordni biex jitneħħa Mykola Oleshchuk ġiet ippubblikata fuq is-sit presidenzjali. Zelenskyy ma ddedikax wisq ħin dwar it-tkeċċija, u qal biss li kien iddeċieda li jissostitwixxi Oleschuk, filwaqt li qal li l-pajjiż jeħtieġ jipproteġi lin-nies tiegħu, b’mod speċjali lis-suldati.

Anatolii Kryvonozhko ġie maħtur bħala Kmandant tal-Forza tal-Ajru minflok Oleschuk.

L-ajurplan tal-gwerra F-16 iġġarraf nhar it-Tnejn meta r-Russja tefgħet baraxx ta’ missili u drones lejn l-Ukrajna.

F’post fuq Facebook, il-Forza tal-Ajru tal-Ukrajna identifikat lill-pilota bħala l-Kurunell Alexei Mes, li ġie meqjus bħala dik il-persuna li salvat lill-Ukrajna minn missili Russi fatali. Iżda, li sfortunatament ħadulu ħajtu.

Il-Ministeru tad-Difiża qal li fetaħ investigazzjoni dwar il-qerda ta’ dan l-ajruplan.