Lokali

Angelo Gafà jiċħad li mhu jagħmel xejn quddiem il-korruzzjoni

“Għandek min tagħmel x’tagħmel dejjem se jsibu xi jmaqdru.”

Sostna dan il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà f’intervista mal-gazzetta Sunday Times of Malta meta kien mistoqsi jekk kienx konxju b’diversi każi fejn ċittadini jmorru jirrapportaw fl-Għasses tal-Pulizija u jintbgħatu ‘l hemm… u jekk kienx konxju bil-fatt li l-poplu qed jgħid li l-Pulizija mhux qed jieħdu biżżejjed azzjoni quddiem il-korruzzjoni.

Il-Kummissarju sostna li mhux perfett, imma l-poplu għandu fiducja fil-Korp immexxi minnu.

Angelo Gafà, li ilu jaħrab minn intervista ta’ Net News għal dawn l-aħħar ġimgħat, baqa’ jinsisti mat-Times dwar il-fiducja li l-poplu għandu fil-Korp. U mistoqsi x’inhuma l-akbar suċċessi taħt it-tmexxija tiegħu, għal bidu naqas milli jwieġeb ċar u tond – għalkemm sussegwentament qal li s-suċċess huwa l-fiduċja tan-nies fl-istess Korp tal-Pulizija.

Mistoqsi dwar il-qtil ta’ Nicolette Ghirxi u l-fatt li din il-mara għamlet rapport mal-Pulizija u sa wara li nqatlet it-talba tagħha kienet qed tiġi proċessata, Gafà saħaq li ma kienx se jwieġeb fuq każ speċifiku għax għaddejja inkjesta maġisterjali.

Huwa insista li matul l-aħħar sena biss il-Pulizija rċevew mal-2,000 rapport b’rabta mal-vjolenza domestika u saħaq għal aktar minn darba li ma kienx se jikkummenta dwar il-każ ta’ Ghirxi.

Mistoqsi dwar il-każ tal-omiċidju ta’ Bernice Cassar, fejn anke din il-mara kienet marret għand il-Pulizija, u xorta waħda spiċċat maqtula – Angelo Gafà rrefera għall-Inkjesta Valenzia fejn ikkonkludiet li anke f’sistema perfetta dawn l-inċidenti se jibqgħu jseħħu.

Intant, mistoqsi kif jista’ jibqa’ jgħid li l-poplu għandu fiducja fil-Korp immexxi minnu meta min ikollu informazzjoni qed ikollu jmur għand persuni terzi, bħal ġurnalisti u Avukati voċiferi oħrajn, fosthom Jason Azzopardi, Angelo Gafà insista li mhuwa vera xejn li l-Pulizija mhuma qed jagħmlu xejn quddiem l-iskandli ta’ Vitals, Identità u l-Benefiċċji Soċjali. Dan filwaqt li b’rabta mal-każ Vitals insista li l-Pulizija qed twettaq investigazzjonijiet ulterjuri.

Mistoqsi jekk qatt kellu interferenza mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Kummissarju ċaħad kategorikament u insista li ġeneralment ma jitkellmux – tant li nesa meta ltaqa’ miegħu l-aħħar. Bil-Kummissarju finalment jgħid li l-aħħar li ltaqa’ ma’ Robert Abela kien fl-iskambju tal-awguri tal-Milied.