Lokali

Il-Kummissjoni Elettorali mħassba dwar l-iskandlu tal-Karti tal-Identità

Wara li ftit tal-ġimgħat ilu l-Avukat Jason Azzopardi żvela skandlu b’rabta mal-Karti tal-Identità tal-poplu Malti u Għawdxi, il-Kummissjoni Elettorali wriet tħassib kbir b’rabta ma’ dan l-abbuż li sar.

Dan ġie żvelat fil-ġurnal tal-Ħadd tal-MaltaToday bil-Kummissjoni tgħid li qed tistenna l-konklużjonijiet tal-Inkjesta Maġisterjali qabel ma tieħu azzjoni fil-konfront tal-aġenzija Identità.

Sorsi fi ħdan il-Kummissjoni Elettorali spjegaw mal-MaltaToday kif diġà kienu mħassba meta ġie żvelat li madwar 100 persuna ġew irreġistrati fuq blokka ta’ appartamenti fis-Siġġiewi li kienet għadha mhux lesta – sitwazzjoni li wasslet sabiex għal darb’oħra l-Kummissjoni ħadet f’idejha proċess intern b’rabta mal-Karti tal-Identità.

Uffiċjal ieħor qal kif il-problema se tkompli tikber jekk tintilef il-fiduċja fl-integrità tal-proċess elettorali li ddeskriva dan l-iskandlu bħala riżultat ta’ frodi u korruzzjoni f’pajjiżna.

Meta ġie żvelat dan l-iskandlu, l-Avukat Jason Azzopardi spjega kif uffiċjali fi ħdan Identità ħadu eluf ta’ ewro sabiex joħorġu permess ta’ residenza lil individwi li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Ewropa bbażati fuq dokumenti foloz.

Dan apparti li ftit tal-jiem ilu ġew żvelati ismijiet ta’ individwi li kellhom il-Karta tal-Identità tagħhom irreġistrata fuq lukanda fix-Xlendi – lukanda li hija skedata li titwaqqa’. Dan filwaqt li dawn il-persuni spiċċaw fir-reġistru elettorali tal-Kunsilli Lokali taħt il-lokalità tal-Munxar.

Intant, s’issa għadu ħadd ma refa’ responsabbiltà politika b’rabta ma’ dan l-iskandlu li kkawża rabja kbira fost il-poplu Malti u Għawdxi.