Lokali

“Il-PN se jkompli jiġġieled sakemm ikollna pajjiż sigur u li jibda miexi ‘l quddiem” – Bernard Grech

“Il-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled sakemm ikollna pajjiż sigur iżda huwa biss bl-għajnuna tal-poplu li nistgħu neħilsu lil pajjiżna minn dawn l-iskandli kollha u verament nieħdu lil Malta ‘l quddiem.”

Sostna dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt intervista li saritlu l-Ħadd filgħodu fuq il-programm ‘Analiżi’ fejn tkellem fuq diversi sfidi li qed jaffaċċja l-pajjiż fosthom l-iskandlu b’rabta mal-Karti tal-Identità, l-isplużjoni fil-popolazzjoni dan apparti li ddiskuta t-tifsira tat-tema ‘Il Quddiem għall-Indipendenza ta’ din is-sena.

B’rabta mal-iskandlu tal-Karti tal-Identità, Bernard Grech qal li dan huwa każ serju li żgur se jkompli jtappan lir-reputazzjoni ta’ pajjiżna. Dan filwaqt li fakkar li l-Ministru Byron Camilleri sparixxa fid-dawl ta’ dawn l-iskandli kollha li ġew żvelati bil-Prim Ministru Robert Abela għadu ma ħa l-ebda azzjoni fil-konfront tiegħu.

Hawnhekk, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li l-Gvern ta’ Robert Abela huwa Gvern tal-ħabi u tas-segretezza fejn kulħadd qed ikompli jitħanżer. Bernard Grech qal ukoll li preżentament għandna sitwazzjoni fejn il-Gvern qed iħalli kollox għaddej bl-ebda persuna ma terfa’ responsabbiltà politika. Huwa fakkar li matul dawn l-aħħar ġimgħat il-Partit Nazzjonalista għamel pressjoni sabiex tkun ippubblikata l-investigazzjoni interna li wettqet l-aġenzija Identità.

Bernard Grech saħaq li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jiġġieled sakemm dan il-pajjiż jerġa’ jkun sigur bil-poplu jkollu serħan tal-moħħ.

Matul din l-intervista, Bernard Grech fakkar fil-proposti tal-Partit Nazzjonalista b’rabta mal-għoli tal-ħajja fost l-oħrajn li jkollna mudell ekonomiku bbażat fuq il-kwalità minflok fuq il-kwantità, li l-COLA ma tkunx intaxxata, li jkun hemm Fond Nazzjonali li jgħin lil min jesporta kif ukoll lil min jimporta u li jkollna setturi ekonomiċi ġodda.

Intant, matul din l-intervista l-Kap tal-Partit Nazzjonalista fakkar li dan ix-xahar pajjiżna se jkun qed jiċċelebra sittin sena Indipendenti bit-tema ta’ din is-sena se tkun ‘Il Quddiem. Hawnhekk, Bernard Grech saħaq li flimkien nistgħu neħilsu lil pajjiżna minn Gvern Laburista li huwa mifni bl-iskandli u nieħdu lil pajjiżna ‘Il Quddiem bil-għan li l-poplu Malti u Għawdxi jkollu ħajja aħjar.