Lokali

“Kellna nieħdu d-deċiżjoni li nħallu l-forn wara 40 sena”

B’nofs qalb kellna nieħdu din id-deċiżjoni li wara 40 sena nħallu l-forn li kien fetaħ missierna Turu.

Hekk sostna magħna Marco Micallef, wieħed minn tliet aħwa li matul is-snin mexxew Arthur and Sons Bakery, l-aħħar forn li kien fadal f’Birżebbuġa.

Hu spjega magħna kif missieru Arthur Micallef, magħruf aħjar bħala Turu tal-ħobż, kien niżżel il-familja tiegħu mir-Raħal Ġdid għal Birżebbuġa fl-1980 fejn kien beda bi snack bar sakemm fl-1984 fetaħ il-forn.

Wara mbagħad waqa’ kollox f’idejn l-aħwa Micallef fejn baqgħu jmexxu l-forn sal-lum il-ġurnata. Eventwalment maż-żmien l-aħwa bdew jikbru u ħadd mit-tfal tagħhom ma ħa l-istess linja ta’ xogħol.

Dan apparti li iktar kemm għadda żmien, l-istil ta’ ħajja tal-Malti nbidlet u matul is-snin bdiet issir iktar diffiċli sabiex tkompli għaddej, speċjalment f’dan is-settur li jirrikjedi fih sigħat twal ta’ xogħol iebes u impenjattiv ferm.

Marco Micallef kompla jgħid li hu flimkien ma’ ħutu, huma grati ħafna lejn il-poplu kollhu ta’ Birżebbuġa li sa minn dejjem kienu jmorru jinqdew bis-servizzi tagħhom kemm għal xi festin, jew għal ħobża ta’ kuljum. Hu kompla jsostni li jinsabu ferm kburin li l-prodott tagħhom dejjem kont issibu fuq il-mejda tal-ikel matul is-sena kollha.

Net News tkellem ukoll ma’ xi residenti li stqarrew li ser iħossu n-nuqqas tal-forn f’Birżebbuġa u ftakru f’kemm il-darba daru mal-mejda tal-ikel bħala familja u gawdew il-prodott ta’ Arthur and Sons Bakery.

Bosta ddeskirvew l-istess forn bħala simbolu u ikona tar-raħal ta’ Birżebbuġa, għaliex għal snin twal dejjem inqdew bl-aħjar mod possibbli. Huma rringrazzjaw lill-familja Micallef tal-ġenerożità tagħhom għaliex dejjem taw l-għajuna lill-għaqdiet volontarji f’Birżebbuġa kif ukoll lil bosta nies fil-bżonn.