Internazzjonali

Medda ta’ Gaza: Rikoverati aktar katavri tal-ostaġġi fost il-pressjoni fuq Netanyahu biex jidħol fi ftehim mal-Ħamas

Il-qawwiet Iżraeljani fl-aħħar sigħat komplew isibu l-katavri tal-ostaġġi li kienu nħatfu waqt ir-rejds terroristiċi tas-7 ta’  Ottubru mill-ġellieda tal-Ħamas, f’Iżrael.

Il-kelliema għall-militar Iżraeljan qalu li s-sitt katavri kienu elevati  minn mina ta’ taħt l-art fl-inħawi ta’ Rafah, lejn in-naħa t’isfel ta’ Gaza.

L-ostaġġi kienu identifikati bħala Carmel Gat, Eden Yerushalmi, Hersh Goldberg-Polin, Alexander Lobanov u Almog Sarusi – bil-katavru l-ieħor ikun ta’ suldat, is-Surġent Ori Danino.

Intant, l-ogħla kapijiet militari qed jinsistu li dawn l-ostaġġi nqatlu brutalment mit-terroristi tal-Ħamas sa sigħat biss qabel marru fl-inħawi s-suldati ta’ Iżrael.

Mill-banda l-oħra,  Izzat al-Rishq, uffiċjal tal-Ħamas, insista li Iżrael għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-imwiet tal-ostaġġi, peress li għadu sal-lum jirrifjuta li jiffirma ftehim għal waqfien mill-ġlied f’Gaza.

Il-poplu Iżraeljan, sadanittant, jinsab mgħaddab ferm għal dak li qed iqis bħala massakru tal-ostaġġi.

Fl-istess ħin, il-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu, qal li Iżrael mhux se jistrieħ sakemm issir ġustizzja mal-qattiela ta’ dawn l-ostaġġi.

Netanyahu, permezz ta’ stqarrija, saħaq li l-Gvern tiegħu hu impenjat biex jattwa ftehim li jaċċerta mil-libertà tal-ostaġġi Iżraeljani li għadhom miżmumin mill-Ħamas. Iżda dan il-ftehim mhux mistenni jsir qabel Netanyahu jkun mija fil-mja konvint li se jkun fl-aħjar interessi tal-Iżraeljani, f’termini ta’ sigurtà.

Il-Prim Ministru Iżraeljan anki qed jiffaċċja l-inkwiet intern – bi grupp li jirrappreżenta lill-familji tal-ostaġġi li qed jinżammu f’Gaza jinsisti biex Netanyahu ‘jindirizza lill-pajjiż u jassumi responsabbiltà għall-fatt li hu, litteralment, abbanduna lill-ostaġġi fl-aktar żmien delikat’.

Il-grupp bl-isem Forum tal-Familji tal-Ostaġġi wkoll qal li s-sitt Iżraeljani, li nstabu fi tmiem il-ġimgħa kienu nqatlu kiesaħ u biered fl-aħħar ftit jiem – u wara li huma kienu sofrew kważi ħdax-il xahar ta’ abbuż u tortura bħala priġuniera tat-terroristi. Il-kelliema komplew li l-Gvern Iżraeljan jaħti, ftit jew wisq, għall-imwiet tas-sitta u ta’ ostaġġi oħrajn għaliex baqa’ jżomm lura milli jaċċerta ftehim mal-Ħamas.

Fil-fatt, bħalissa f’Iżrael qed isiru sensiela ta’ protesti mill-pubbliku fl-ibliet ta’ Tel Aviv u Ġerusalemm u meta n-nies qed jittamaw li jżidu l-pressjoni fuq il-Gvern ‘biex iġib l-ostaġġi li għadhom ħajjin lura d-dar’.