Lokali

Michael Piccinino se jissottometti ismu biex ikun kandidat fl-Elezzjoni Ġenerali li jmiss

Fil-ġimgħat li ġejjin il-PN se jibda proċess għal Segretarju Ġenerali ġdid

Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ħabbar li matul il-ġimgħat li ġejjin il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jibda l-proċess biex jiġu approvati l-ewwel kandidati għall-elezzjoni ġenerali li jmiss u stqarr li jemmen li wasal iż-żmien biex anke hu jissottometti ismu biex ikun kandidat.

Għaldaqstant Michael Piccinino ħabbar li se jkun qiegħed jibda proċess biex jinħatar Segretarju Ġenerali ġdid.

Huwa saħaq li din ċertament li mhux deċiżjoni faċli iżda insista li jemmen li dan huwa l-mument opportun sabiex min jilħaq Segretarju Ġenerali minfloku jkollu “żmien biex isib saqajh u ċans biżżejjed għall-elezzjoni ġenerali li jmiss.”

Michael Piccinino saħaq li jinsab kburi li fl-aħħar tliet snin kemm ilu f’din il-kariga, il-Partit Nazzjonalista kiseb l-akbar ammont ta’ voti kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, ġab l-inqas distakk bejn il-Partiti fl-aħħar 16-il sena, rebaħ tmien sindakati u maġġoranzi ġodda.

Dan filwaqt li rringrazzja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, lill-voluntiera u lill-ħaddiema filwaqt li fakkar li preżentament Net Television huwa l-aktar stazzjon privat segwit f’Malta u Għawdex.

Huwa insista li se jkun qed jibqa’ dispost li jkun ta’ servizz għall-Partit Nazzjonalista f’dak kollu li hemm bżonn.