Lokali

Minkejja skandlu wieħed wara l-ieħor Abela jgħid li għandu fiduċja f’Byron Camilleri

Il-Prim Ministru Robert Abela għandu fiduċja sħiħa u assoluta fil-Ministru Byron Camilleri.

Dan sostnieh f’intervent telefoniku fuq il-midja tal-Labour wara l-aħħar allegazzjonijiet li ħarġu, u li jkomplu jixħtu aktar toqol fuq il-Ministeru tal-Intern – Ministeru li għal dawn l-aħħar snin kien responsabbli minnu Camilleri.

Minkejja l-iskandli kollha li seħħew taħt Byron Camilleri – minkejja t-tibdil ta’ tliet diretturi tal-ħabs; b’Alex Dalli, Kevin Brincau u issa Chris Siegersma li wkoll għandu skandlu riċenti marbut miegħu – minkejja l-kriżi f’Identità, u issa allegatament racket fi ħdan il-LESA… il-Prim Ministru qed jibqa’ jiddefendi lil Byron Camilleri.

Dan minkejja wkoll li taħt it-tmexxija tal-Ministru Byron Camilleri, l-Inkjesta Valenzia sabet lill-Istat ħati li falla lil Bernice Cassar li kawża ta’ inkompetenza waslet sabiex inqatlet mir-raġel tagħha.

Minkejja dan kollu, il-Ministru Byron Camilleri għadu ma refa’ l-ebda responsabbiltà politika għad-differenza ta’ ftit oħrajn; bil-Prim Ministru jisħaq li Camilleri huwa integru u għandu fiduċja fih.

Surrealment, għat-tieni ġimgħa konsekuttiva, Robert Abela naqas milli jindirizza t-tħassib li l-iskandlu fi ħdan Identità qed iġib miegħu – skandlu li jaf ikollu riperkussjonijiet diplomatiċi u li bħala Mexxej ta’ pajjiż hu mhux qed jindirizza tal-inqas b’mod pubbliku.

Dan hekk kif jidher li hawn persuni barranin li kisbu dokumenti ta’ żwieġ foloz u ID Cards foloz b’indirizzi ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin miktubin fuq isimhom.

Allegatament dan sar minn racket fi ħdan Identità u li permezz ta’ dawn id-dokumenti dawn il-persuni jistgħu jsiefru bil-libertà kollha fl-Unjoni Ewropea.

Intant, għal darb’oħra ċaħad l-allegazzjonijiet magħmula mill-Avukat Jason Azzopardi fil-konfront tiegħu b’rabta mal-allegat skandlu fil-LESA – madanakollu s’issa Abela għadu ma fetaħ ebda libell biex inaddaf ismu.

Finalment, Robert Abela għoġob jattakka b’mod partiġjan lill-Partit Nazzjonalista fejn insista li hemm min qed jiġbed l-ispag.

Ironikament fl-aħħar ġimgħat l-unika spag li deher jinġibed kien proprju fi ħdan iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista hekk kif wara r-riżultat elettorali tat-8 ta’ Ġunju, Robert Abela spiċċa waħdu u abbandunat – sfurzat ikollu miegħu nies magħrufin li mhux ġejjin mil-klikka tiegħu, imma ta’ Joseph Muscat.

Spag miġbud tant, spiċċa kostrett idaħħal lura lil Rosianne Cutajar – għax ta’ Muscat riedu hekk! Intant, s’issa Robert Abela għadu qed jirrifjuta li jagħmel intervista one-on-one ma’ Net News bħal ma diġà għamel ma kmamar ta’ aħbarijiet oħrajn fl-aħħar ġimgħat.