“Pajjiżna għandu bżonn bidla totali f’kull aspett”.
Hekk sostna l-editorjal tal-Malta Indipendent hekk kif tefa’ dawl fuq il-problemi kbar li pajjiżna għaddej minnhom, u kif għandna Prim Ministru li qed jibqa’ jipprova jostor il-verità.
Il-gazzetta fakkret kif il-Ħadd li għadda Robert Abela wiegħed li fil-Budget li jmiss ser jidħlu miżuri li skont hu, ser ikunu b’saħħithom. Anke jekk bħalissa l-istess Gvern jinsab mifni bi problemi finanzjarji enormi – tant li daħħalna f’excessive deficit procedure.
L-Editorjal fakkar fl-istrateġija li adotta l-Gvern għal dawn l-aħħar 11-il sena. U nsista li meta l-Labour ikun dahru mal-ħajt, mifni bi problemi interni, dejjem jispiċċa jipprova jixtri n-nies biċ-ċejċa.
Ġie spjegat li l-poplu Malti u Għawdxi qed jirrealizza li l-kwalità tal-ħajja marret lura, għaliex il-flus mhumiex kollox fejn tidħol ħajja sana u trankwilla.
Hawnekk, ġie elenkat ukoll il-fatt li reġa’ kellna qtil minħabba li s-sistema tagħna falliet għal darb’orħra, apparti problemi ta’ kuljum fejn jidħol traffiku eċċessiv, żvilupp bla rażan u żieda qawwija fil-popolazzoni. Kif ukoll il-problemi serji minħabba li kien hemm riformi tal-Gvern – bħall-iskema stabbiltà – li spiċċaw ma ħallew l-ebda impatt fuq l-inflazzjoni u l-problemi finanzjarji tan-nies. Kien hawn fejn l-editur jistaqsi jekk il-Labour għadux il-Partit li jista’ joffri soluzzjonijiet tajbin għall-problemi li ġew kreati minnu.
L-Editur tkellem fuq diversi riformi li pajjiżna tant għandu bżonn; bosta riformi li dan il-Gvern qatt ma għamel.
L-editorjal tal-Independent sostna li Gvern għandu jieħu bis-serjetà dak kollu li ġara f’dan l-aħħar żminijiet, u insista li pajjiżna għandu bżonn ferm aktar riformi milli sempliċiment tnaqqis ta’ taxxa.
//= $special ?>