Lokali

Raġel ta’ 50 sena mill-Mosta fil-periklu tal-mewt

Ilbieraħ, għall-ħabta tat-8.15, il-Pulizija ġiet infurmata b’inċident tat-traffiku fi Triq iż-Żejfa, il-Mosta.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u mill-ewwel stħarriġ li sar irriżulta li raġel ta’ 50 sena
residenti l-Mosta, li kien qed isuq mutur Yamaha, weġġa’ wara li ntlaqat minn vettura li telqet
minn fuq il-post tal-inċident.

Intlaqtet ukoll Toyota Yaris li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 75 sena residenti Tal-Pietà, u Hyundai Atoz li kienet qed tinstaq minn raġel ta’ 30 sena residenti l-Mosta. Dawn iż-żewġ persuni ma sofrewx ġrieħi.

Is-sewwieq tal-mutur ingħata l-għajnuna minn tim mediku u ttieħed l-Isptar Mater Dei
b’ambulanza, fejn aktar tard kien iċċertifikat bi ġrieħi serji.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat Anthony Agius Bonnici li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija u t-tfittxija għall-vettura involuta, għadhom għaddejjin.