Raġel ta’ 32 sena mill-Mali ġie kkundannat tliet snin ħabs dan filwaqt li żewġt irġiel oħra nżammu arrestati b’rabta ma’ traffikar tad-droga.
Quddiem il-Maġistrat Jean Paul Grech intqal kif ir-raġel ta’ 32 sena offra d-droga lil pulizija pajżan f’San Ġiljan bil-konsegwenza li hu u żewġt irġiel oħra ġew arrestati fil-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt waqt li kienu qed isiru r-rondi.
Benjamin Sanogo ammetta li fil-pussess tiegħu kellu 30 pakkett kokaina kif ukoll 15-il pakkett kannabis. Dan apparti li ammetta wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest fil-konfront ta’ tliet każijiet oħra.
Kien għalhekk li Sanogo ġie kkundannat tliet snin ħabs u mmultat €700. Dan apparti li ġie ordnat iħallas €3,000 b’rabta mal-ksur tal-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Imbagħad, tressqu ż-żewġt irġiel l-oħra – raġel ta’ 50 sena mill-Eritrea u Indjan ta’ 25 sena li wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.
Waqt is-seduta ġie spjegat kif l-Eritrean ġie arrestat wara li l-Pulizija kellha suspett fih hekk kif kien qed jitkellem ma’ minuri. Dan filwaqt li l-Indjan ġie arrestat hekk kif dan ukoll offra d-droga lill-pulizija pajżana.
Waqt tfitxxija li saret, il-Pulizija sabet li l-Eritrean kellu fil-pussess tiegħu d-droga kannabis, €150, miżien kif ukoll boroż suspettati li jintużaw fit-traffikar tad-droga.
Lill-Indjan sabulu 25 pakkett bil-kannabis kif ukoll MDMA.
Kien għalhekk li l-Maġistrat Jean Paul Grech żamm lil dawn iż-żewġ akkużati taħt arrest.
//= $special ?>