Raġel ta’ 37 sena mill-Bangladexx residenti Malta, ma nstabx ħati tal-akkużi kollha miġjubin kontrih f’każ kumpless li jinvolvi allegat falsifikazzjoni u użu ħażin ta’ dokumenti marbutin mal-aġenzija Identità Yousuf Prodan, li kien qed jiġi mixli li ffalsifika d-dokumenti u li għamel dikjarazzjonijiet foloz.
Hu dejjem saħaq l-innoċenza tiegħu matul il-proċeduri fejn tenna li aġixxa b’mod xieraq abbażi l-gwida ta’ partijiet terzi u li ma kellux intenzjoni li jqarraq bl-awtoritajiet. Il-każ jinvolvi diskrepanzi fid-dokumenti li ssottometta Prodan bħala parti mill-applikazzjoni tar-residenza tiegħu li għaddiet minn idejn Identità, li bħalissa tinsab fiċ-ċentru tal-attenzjoni minħabba l-allegat racket ta’ ħruġ foloz ta’ karti tal-identità.
Xhieda mill-aġenzija, fosthom Robert Zammit, xehdu dwar il-proċeduri standard li jseħħu meta applikazzjonijiet li jinvolvu ċittadini mhux Maltin jiġu proċessati. Kwistjoni ewlenija li spikkat għandha x’taqsam ma’ ftehim tal-kera li allegatament ġie ffirmat minn sid il-kera ta’ Prodan, ċertu Ingmar Spiteri.
Xhieda mill-ħaddiema ta’ Identità kkonfermat li Prodan kien ġie informat bid-dokumenti li kellu neqsin u ngħata parir biex jissottometti dawk neċessarji, inkluż id-dikjarazzjoni ta’ sid il-kera. Meta d-dikjarazzjoni eventwalment ġiet sottomessa, l-uffiċjali innotaw id-diskrepanzi fil-firem meta qabbluhom ma’ ftehim preċedenti.
Waqt id-deliberazzjoni tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Yana Micallef Stafrace, sabet li minkejja l-ostakli tal-lingwa li affaċċja Prodan li ma jifhimx la l-Malti u lanqas l-Ingliż sew, il-prosekuzzjoni kienet naqset milli tipprovdi evidenza konklussiva li turi li l-akkużat ipprova jqarraq bl-awtoritajiet apposta.
Ix-xhieda indikaw li Prodan kien ikkoopera u aġixxa fuq dak li ħaseb li kienu struzzjonijiet xierqa. Is-sentenza titkellem dwar l-intriċċi li joħorġu meta individwi li ġejjin minn ambjent kulturali u lingwistiku differenti jkollhom jinnavigaw il-burokrazija f’pajjiż barrani.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti enfasizzat li l-prosekuzzjoni ma rnexxiliex turi li Prodan kellu intenzjoni kriminali. Il-Qorti innotat ukoll li Prodan kien qed jiddependi fuq partijiet terzi biex jagħmlu l-arranġamenti u jġibu l-firem f’ismu, u li l-forom li kienu allegatament iffalsifikati ma setgħux jiġu attribwiti lilu.
Il-Qorti, wara li rat l-Artikoli tal-Ligi u ċioè Art. 188 (2) u 189 tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta qalet li qiegħda ssib lil Yousuf Prodon mhux ħati tal-imputazzjonijiet kollha stante li ma ġewx sodisfaċentement ippruvati sal-grad rikjest mil-Liġi u għalhekk qegħda tilliberah minn kull ħtija u piena dwarhom.
L-avukat Jason Azzopardi riċentament żvela l-koruzzjoni fi ħdan l-aġenzija li wassal biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali. Huwa qal li hemm persuni li lesti jixhdu dwar din il-koruzzjoni lampanti. L-allegazzjonijiet ta’ Dr. Azzopardi kienu dwar skema estensiva li tinvolvi l-ħruġ frawdolenti ta’ madwar 18,000 karta tal-identità lill-persuni minn pajjiżi terzi, l-aktar mill-Eġittu u l-Libja.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Antoine Camilleri.
//= $special ?>