Lokali

Graffitti: Is-sħubija mandatorja fil-unions hija pożittiva, imma għandha tkun parti minn tisħiħ usa’ tad-drittijiet tal-ħaddiema

Il-Moviment Graffitti sar jaf li l-Gvern ta’ Malta bħalissa qiegħed jikkunsidra jgħaddi liġi li biha l-ħaddiema kollha bi dħul baxx ikunu msieħba awtomatikament f’union.

Bħala organizzazzjoni xellugija, il-Graffitti jemmnu li bħala prinċipju din inizjattiva tajba, bl-għan ewlieni li l-ħaddiema jkollhom l-oppotunità li jkunu parti minn union u għalhekk ikunu protetti minnha u parteċipi fl-azzjonijiet tagħha.

Ħafna ħaddiema f’Malta mhumiex imsieħba f’union speċjalment ħaddiema li huma impjegati bi qliegħ baxx (madwar 11% fl-2018 fl-industrija tal-ikel u l-imnut kienu f’union). Sħubija f’union mandatorja tipprovdi protezzjoni garantita, speċjalment lil dawk il-ħaddiema li qegħdin jiffaċċjaw sfruttament fuq ix-xogħol, kuntratti u livelli ħżiena ta’ saħħa u sigurtà.

Huwa fatt magħruf li ħafna ħaddiema f’xogħlijiet bi dħul baxx jafu jibżgħu jew ikunu skoraġġuti milli jissieħbu f’union. Barra minn hekk, jittamaw li bħala membri ta’ union, il-ħaddiema jsibu l-kuraġġ biex jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom u jipparteċipaw fin-negozjar kollettiv.

Iżda l-Graffitti jemmnu wkoll li sħubija f’union waħedha mhux se telimina l-isfruttament u l-kundizzjonijiet tax-xogħol indiċenti.

Jafu li din il-proposta tista’ twassal għall-ħolqien ta’ unions fantażma. Min iħaddem jista’ jġiegħel lill-impjegati bi dħul baxx biex jissieħbu f’dawn il-unions fantażma – imwaqqfa minnhom stess jew ma’ terzi – jew jidħlu fi ftehim kollettiv li jibbenifika iktar lilhom milli lill-ħaddiema.

Jekk is-sħubija mandatorja tgħaddi, il-liġi trid tipprojbixxi lil min iħaddem milli joħolqu dawn it-tip ta’ unions u tistabbilixxi sistemi li jipprevjenu u jidentifikaw dan l-abbuż. Il-Gvern irid ukoll jimplimenta regolamenti u politika biex iżid is-saħħa tal-ftehimiet kolletivi u jintroduċi l-ftehimiet settorjali.

Il-Moviment Graffitti ilu jitlob lill-gvern biex jirrevedi l-liġijiet tax-xogħol. B’mod partikolari nemmnu li dawk li ġejjin minn pajjiżi terzi li bħalissa jiddependu totalment fuq min iħaddimhom, għandu jkollhom protezzjoni u kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar. Mhux aċċettabbli li l-permess ta’ residenza għal ħaddiema minn pajjiżi terzi huwa kompletament marbut mal-impjieg tagħhom u jinħareġ għal sena biss.

Is-sħubija mandatorja f’union ma tkunx effettiva jekk din il-liġi inġusta u bla sens ma tiġix eliminata jew riveduta drastikament. Fl-1 ta’ Mejju ta’ din is-sena, meta nedew il-kampanja tagħhom Ġustizzja mal-Ħaddiema, saħqu li l-gvern għandu jneħħi l-miżuri amministrattivi li qegħdin iwasslu għall-isfruttament ta’ ħaddiema immigranti u dawk ġejjin minn pajjiżi terzi. Sħubija mandatorja f’union waħedha mhijiex ser tindirizza l-vulnerabbiltà tal-ħaddiema barranin minħabba l-liġijiet preżenti li jirregolaw ir-residenza tagħhom fil-pajjiż.

Għalhekk, filwaqt li l-Moviment Graffitti jaqbel mal-prinċipju ta’ sħubija mandatorja f’union għal ħaddiema bi dħul baxx, jemmen li l-gvern irid joħloq qafas legali b’saħħtu li jaġġorna u jħares id-drittijiet, il-kundizzjonijiet u l-pagi tal-ħaddiema f’Malta. Il-ħaddiema jeħtieġ li jkunu fiċ-ċentru ta’ din il-proposta, billi jkollhom vuċi soda u protezzjoni fuq il-post tax-xogħol.