Lokali

Il-midja Laburista tintuża mill-Gvern biex tittaffa ftit mir-rabja tal-poplu

Il-medja ta’ stennija fl-Emerġenza tal-Isptar Mater Dei hija ta’ 5 sigħat u nofs – jiddependi skont il-każ xi jkun – hemm min idum aktar u hemm min idum inqas.

Din hija d-dikjarazzjoni li kien għamel il-Ministru Jo Etienne Abela fil-jiem li għaddew, waqt diskussjoni max-Shadow Minister Adrian Delia fejn insista li din hi l-medja ta’ stennija reali wara li wieħed jiġi invistat mill-istaff mediku tal-Emerġenza, u jaraw il-każ x’inhu.

In-nies ilhom xhur sħaħ jinsistu li s-sitwazzjoni fl-Isptar Mater Dei hija waħda serja ħafna – b’numru ta’ pazjenti jistennew sigħat twal, filwaqt li l-ħaddiema jinsabu taħt pressjoni b’ħidma sfieqa u kontinwa – ħidma imprezzabbli għall-ġid tal-familji Maltin u Għawdxin. Madanakollu sfortunatament, l-esperti fl-aħħar jiem saħqu li minkejja din il-ħidma, is-sistema tinsab f’xifer kollass kawża ta’ nuqqas ta’ viżjoni fl-aħħar snin minn min qiegħed imexxi lil pajjiżna.

Il-każ traġiku tal-aħħar jiem ta’ raġel li tilef ħajtu fis-sala tal-emerġenza tal-Isptar Materi Dei, qajjem diversi domandi dwar għal liema raġuni huwa ma ntbagħatx b’ambulanza miċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana. U għal liema raġuni minkejja s-sintomi ta’ attakk tal-qalb tħalla jistenna – domandi li l-poplu qed jistenna li jweġbuhom iż-żewġ inkjesti li nfetħu.

Intant, il-midja tal-Labour – għad-differenza ta’ kmamar ta’ aħbarijiet oħrajn li kkonfermaw li r-raġel ma ttiħidx l-isptar b’ambulanza wara ħin twil fil-polyclinic tal-Furjana… qed tirrapporta li r-raġel kien invistat mill-istaff mediku 17-il minuta wara li kien wasal.

U waqt li l-Mexxej tal-Labour Robert Abela u l-Ministru Jo Etienne Abela qed jisħqu li ma jridux idawru dan il-każ f’ballun politiku, il-midja tal-Labour iddeċidiet li tiżvela r-riżultati tal-awopsja fejn allegaw li r-raġel ma mietx b’attakk tal-qalb imma minħaba demm jew likwidu li trabba madwar il-qalb. U saħqu li r-raġel kien ilu jsofri minn marda f’qalbu.

Il-midja Laburista qalet li r-raġel irreġistra fl-emerġenza fit-tmienja ta’ filgħaxija u sfortunatament, wara li kien invistat mill-istaff mediku… ħassu ħażin fl-għaxra u tnejn u għoxrin minuta.

Dettalji magħrufa mill-midja ta’ Abela, dettalji li diversi persuni fuq il-midja soċjali kkummentaw kif ma jneħħux mill-fatt li dan ir-raġel sfortunatament ġralu li ġralu fis-sala ta’ stennija. U għaldaqstant diversi kienu dawk li staqsew x’wassal biex minkejja li ġie invistat inizjalment… xorta waħda tħalla hemm… jistenna.