Lokali Transport

“In-nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern qed iwassal għal konġestjoni kbira ta’ traffiku”

Filwaqt li neħlu fi traffiku kbir saret parti mir-rutina ta’ kuljum, filgħodu u filgħaxija, il-problema qed tkompli tikber iktar minn qatt qabel b’riżultat li qed issir perikoluża sew. U dan quddiem nuqqas ta’ ppjanar mill-Gvern għal sistema ta’ trasportazzjoni tal-massa.

Kienet din l-analiżi li għamel l-editur tal-gazzetta The Sunday Times of Malta dwar is-sitwazzjoni fit-toroq Maltin li qed twassal għal konsegwenzi li sena wara sena qed ikompli jikbru.

Sal-aħħar ta’ Ġunju ta’ din is-sena, f’Malta ġew irreġistrati 440,163 vettura, li f’kelma oħra tfisser 78 vettura kull 100 persuna li tgħix hawn Malta. U dan b’riżultat għal konġestjoni tat-traffiku f’kull ħin tal-ġurnata.

U mhux hekk biss. Iktar ma naraw karozzi fit-toroq iktar qed naraw inċidenti, b’uħud saħansitra fatali. Bl-iktar inċidenti fatali kienu nhar it-Tlieta meta t-toroq Maltin ħadu l-ħajja ta’ tliet persuni – sewwieq ta’ mutur, sewwieq ta’ vann u mara li kienet qed taqsam it-triq.

Bl-editur jgħid li inċidenti ta’ dan it-tip huma normali fejn issib il-karozzi iżda din hi sitwazzjoni li l-Gvern ġabha b’idejh.

U dan apparti n-nuqqas ta’ rispett fit-toroq, b’sewwieqa li jitfgħu l-karozza f’nofs ta’ triq biex jinżlu jagħmlu qadja, uħud mill-kuntratturi fit-toroq li jiksru l-liġijiet b’riżultat li joħolqu periklu kbir, u anke sempliċi bumper-to-bumper li toħloq konġestjoni sħiħa.

U kien hawnhekk fejn l-editorjal appella biex il-Gvern mhux biss idaħħal il-liġijiet il-ġodda, imma jassigura li kull liġi tkun infurzata. Dan hekk kif qed naraw sewwieqa li jiksru l-liġijiet għaliex jafu li mhuma se jeħlu xejn għal dan.