Internazzjonali

Iżrael: Strajk ġenerali jipparalizza l-pajjiż

Matul il-jum, eluf niżlu fit-toroq jipprotestaw hekk kif l-Iżraeljani ħarġu fuq strajk ġenerali madwar il-pajjiż kollu – strajk li ġie ordnat mill-aktar union influwenti fil-pajjiż wara li nstabu l-katavri ta’ sitt ostaġġi li kienu miżmuma mill-militanti tal-Hamas.

Din l-istrajk ġiet ordnata sabiex tagħmel pressjoni fuq il-Prim Ministru Benjamin Netanyahu biex jinħelsu l-ostaġġi li għadhom maqbuda f’Gaza; persuni li ilhom ostaġġi sa minn Ottubru li għadda – kważi sena sħiħa.

L-istrajk f’Iżrael affettwa mhux biss ħwienet u negozji, iżda anke skejjel u banek, kif ukoll il-Ministeri tal-Gvern. L-isptarijiet f’Iżrael baqgħu għaddejjin bl-operat tagħhom, għalkemm ċertu servizzi ġew restritti.

Rapporti oħra indikaw dewmien fis-sistemi tat-trasport.

It-tobba tal-isptar Rambam, f’Haifa, iddeċidew li jieħdu sehem fl-istrajk ukoll, fejn il-Kap tad-Diviżjoni tal-Kiruġija stqarr li ma jistgħux jibqgħu passivi għaliex is-sitwazzjoni hija waħda kritika għall-pajjiż.

Intant, minkejja li l-istrajk kien ippjanat biex idum sal-ħamsa ta’ wara nofsinhar, il-Qorti ta’ Tel Aviv ordnat biex il-protesti jieqfu fis-siegħa u nofs – deċiżjoni appoġġjata mill-Ministru tal-Finanzi Iżraeljan.

Wara din l-ordni, eluf ta’ nies ħarġu fit-toroq tal-istess belt biex ikomplu jitolbu li jintlaħaq ftehim għall-ħelsien tal-ostaġġi.

Ftit wara, il-Forum tal-Familji tal-Ostaġġi u Nies Neqsin ħabbar li se jorganizzaw aktar protesti – tant li sa filgħaxija nġabru quddiem ir-residenza uffiċjali tal-Prim Ministru f’Ġerusalemm. Dan apparti demostrazzjonijiet kbar f’Tel Aviv u protesta oħra quddiem id-dar ta’ Netanyahu, f’Cesarea.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Yair Lapid ukoll qed jieħu sehem fil-protesti, fejn appoġġja l-istrajk ġenerali.