Sport

Luca Vella u Rossana Oddi jirbħu l-Kampjonati Nazzjonali Garmin tal-Għawm Open Water. 

Vella u Oddi dejjem ħarġu rebbieħa matul il-kampjonat

Sa mill-ewwel tellieqa,  Luca Vella u Rossana Oddi dehru li kienu l-għawwiema li kellhom il-potenzjal tat-titlu fil-Kampjonati Nazzjonali Garmin tal-Għawm Open Water organizzat minn Birkirkara St Joseph Sports Club. 

Il-kampjonati, li saru taħt l-awspiċi tal-Assoċjazzjoni Sport Akwatiku ta’ Malta, kienu jikkonsistu f’sitt tiġrijiet – ħamsa fuq korsa ta’ 2km u waħda fuq korsa ta’ 4km. It-tiġrijiet servew ukoll bħala mezz ta’ kwalifikazzjoni għall-Kompetizzjonijiet Garmin Malta – Gozo  – Malta, u Garmin Malta – Gozo Malta, li ser iseħħu nhar il-21 ta’ Settembru li ġej.

Bir-reħba ta’ dan il-kampjonat, Luca Vella kiseb it-tielet titlu Nazzjonali tiegħu, wara wirja b’saħħitha, huwa ffaċċja kompetizzjoni minn Sam Camilleri u Giuseppe Borg, li t-tnejn spiss sabu ruħhom fuq il-podju tat-tlielaq biex żammew il-kampjonat kompetittiv.

Rossana Oddi, għawwiema li għamlet id-debutt tagħha f’dawn il-kampjonati, segwiet triq simili bħal Vella. Magħha fuq il-podju ġenerali kien hemm Kaitlyn Muscat u Michela Camilleri.  Dawn tal-aħħar dehru wkoll regolarment fuq il-podju tat-tiġrija.

It- trofej lir-Rebbieħa Overall u tal-Gruppi tal-Etá ngħataw fi tmiem it-Tiġrija mill-membru tal-bord eżekuttiv ta’ Birkirkara St. Joseph Sports Club,  Joseph Farrugia. 

“Għal darb’oħra, il-Kampjonati Nazzjonali ġibdu numru b’saħħtu ta’ għawwiema mifruxa fuq il-livelli kollha. Nirringrazzjaw lill-klabbs tal-għawm u lill-atleti kollha għall-appoġġ kontinwu tagħhom,” irrimarka Euchar Camilleri, Segretarju ta’ Birkirkara St Joseph Sports Club. “Il-gratitudni tagħna tmur ukoll lejn Garmin Malta, li ilha tappoġġja lill-Club tagħna u dawn il-kampjonati.”

Il-Club issa ser jiffoka l-attenzjoni tiegħu lejn l-għawm fil-fliegu, li se jsir nhar is-Sibt 21 ta’ Settembru.

 Ir-reġistrazzjonijiet huma miftuħa online fuq is-sit elettroniku  https://bsj.mt/event/2024-gozo-malta-open-water-swimming-competition/