Lokali Qorti

Mara li naqset milli tiffirma fl-Għassa tal-Pulizija fuq każ tinstab tistaħba taħt sodda

Mara li kienet naqset milli tiffirma l-ktieb tal-libertà proviżorja tagħha fl-Għassa tal-Pulizija għal ġimgħat sħaħ instabet moħbija taħt is-sodda tagħha minn uffiċjali tal-pulizija li kienu qed jesegwixxu mandat ta’ arrest f’darha, semgħet il-Qorti t-Tnejn.

Graziella Debono ta’ 47 sena mill-Imsida, li tinsab fuq pleġġ sakemm tressaq l-appell tagħha kontra kundanna talli serqet oġġetti ta’ valur minn dar li kienet impjegata biex tnaddaf, se tingħata s-sentenza aktar tard din il-ġimgħa wara li wieġbet ħatja li naqset milli tiffirma.

L-Ispettur Paul Camilleri qal lill-Maġistrat Nadia Helena Vella li l-mara kienet bil-pleġġ sakemm isir appell li kienet ippreżentat hija stess. “Fit-22 ta’ Marzu ta’ din is-sena waqfet tiffirma u għal xi raġuni jew oħra, ma kinitx infurmat lill-Pulizija li bidlet l-indirizz tagħha.” Meta l-mara naqset milli tattendi seduta tal-appell minħabba li ma setgħetx tiġi notifikata, l-imħallef li jippresiedi l-appell kien ordnat lill-Pulizija biex ifittxuha.

Wara li ġie innutat li l-mowbajl tagħha kien qed jaqbadha man-network ċellulari fl-inħawi ta’ Ħaż-Żabbar, uffiċjali pajżana kienu għamlu sorveljanza u identifikaw l-indirizz li kienet toqgħod fih, u osservawha tidħol f’residenza.

L-uffiċjali ċemplu kollegi bl-uniformi li waslu u ħabtu l-bieb ta’ barra tar-residenza. Ħadd ma wieġeb għall-ħabta fil-bieb, li sussegwentement tkisser mill-pulizija. Debono u sieħeb tagħha nstabu moħbija taħt sodda ġewwa l-proprjetà, qal l-ispettur.

Meta l-mara ntalbet x’kienet se twieġeb għall-akkużi, l-avukat tagħha, Mario Mifsud informa lill-Qorti li l-imputat se tkun qed twieġeb mhux ħatja. Surġent tal-pulizija stazzjonat Rahal Ġdid kien l-uniku xhud fil-każ.

Huwa ssejjaħ għal fuq il-pedana u xehed li kien mar, flimkien ma’ uffiċjali oħra, fir-residenza indikata fuq il-mandat. “Ħabbatna l-bieb diversi drabi imma qatt ma wieġbet.” L-uffiċjali identifikaw lilhom infushom bħala l-pulizija u wissew li se tintuża l-forza biex jinfetaħ il-bieb, anki hawn baqgħu mingħajr risposta.

L-uffiċjali mbagħad ipproċedew biex kissru l-bieb, qal. “Sibna lilha u s-sieħeb tagħha moħbi taħt is-sodda,” żied l-uffiċjal.

Ikkonferma wkoll li l-mara kienet dehret qed taqra x-xufftejn waqt l-arrest tagħha, wara li l-avukat staqsa jekk kienx konxju li l-mara kellha problemi ta’ smigħ.

Meta għamel l-aħħar sottomissjonijiet, l-Ispettur Camilleri qal li l-‘bail book’ tal-mara wera biċ-ċar li kienet ilha xahar ma tiffirmah. Kemm l-ispettur kif ukoll l-avukat tal-mara kienu marru lil hinn mis-servizz tax-xogħol fl-isforzi tagħhom biex jgħinuha, sostna li meta marret toqgħod Marsascala mingħajr ma informat lill-Pulizija, huwa kien saħansitra ttrasferixxa l-‘bail book’ tagħha f’Marsascala.

Peress li ma kinitx toqgħod fl-indirizz reġistrat tagħha, hija ma kinitx qed tiġi innotifikata bid-dati tas-seduti fl-appell tagħha, spjega l-ispettur, filwaqt li ntalbet sentenza ta’ kustodja. “Kollox juri li kienet qed tipprova taħrab mill-ġustizzja… u barra minn hekk, kienet ġiet ikkundannata sitt xhur ħabs għall-istess reat.”

Id-difiża sostniet l-importanza tal-‘electronic tagging’ ta’ delinkwenti mhux vjolenti. Għad-difiża, Dr. Mifsud irrimarka li matul is-snin, Malta għamlet progress fuq bosta fronti, u fakkar kif hu u d-Direttur tal-Ħabs ta’ dak iż-żmien il-Kurunell Alexander Dalli kienu l-pijunieri lokali fl-użu ta’ dan l-apparat.

Huwa talab lill-gvern biex jimplimenta s-sistema ta’ ‘tracking bracelet’ li bħalissa qed tiġi ppruvata, fuq skala usa’. L-intenzjoni li jkun hemm firma fuq il-ktieb tal-libertà proviżorja hija aktar li tikkonferma lill-Qorti li hija ġiet notifikata,” issottometta l-avukat.

“Kieku investejna fit-tagging, l-ispettur kien jinforma lill-Imħallef li l-mara ma setgħetx tinstab u wara ftit b’għafsa ta’ buttuna kienet tinstab,” qal l-Avukat Mifsud. “Il-ħabi taħt sodda mhuwiex reat.” L-ewwel kundanna ta’ Debono kienet talli serqet fenek, hu rrimarka, filwaqt li saħaq fuq in-natura minuri tad-delitti tagħha.

“Mhijiex Maria Goretti, huwa aċċenna… imma ma ffirmatx il-ktieb tal-pleġġ u moħħha hekk qalilha, minflok qalet lill-Avukat tagħha biex jagħtiha parir – “sabiex inkunu nistgħu nirranġaw xi ħaġa,” qal l-Avukat Mifsud.

Kompla jgħid li t-tobba mhumiex komdi li joħorġu ċertifikati għall-Qorti wara skandlu taċ-ċertifikati fuq il-mard. “Din is-sinjura għaddiet minn ħafna f’ħajjitha… sfortunatament għamlet żball darba, u issa l-Qorti qed tintalab tikkonfiska l-garanzija tagħha ta’ €5,500. Il-piena hija akbar minn dak li kienet tirċievi għar-reat oriġinali.”

“Hija m’għandhiex €5,500. Naf li qed tissielet, iżda madankollu, ma rrikorrietx għas-serq wara l-kundanna tagħha,” sostna Dr. Mifsud. Qal li ried iserraħ moħħ l-Imħallef li ordnat l-arrest tagħha li hi se tkun preżenti għas-sentenza nhar il-Ħamis, u żied li jekk le, l-appell tagħha jitqies bħala abbandunat u s-sentenza oriġinali tagħha kkonfermata xorta waħda.

Il-prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għat-talba tal-avukat li l-mara tiġi kkundannata wara s-sentenza fl-appell tagħha nhar il-Ħamis. Il-Qorti laqgħet it-talba u ddifferiet il-kawża għall-Ħamis f’12:00pm. biex tingħata s-sentenza.