Lokali

Pjanijiet sigrieti biex jinqasmu l-profitti tal-isptarijiet permezz ta’ ditta marbuta ma’ Joseph Muscat

Kumpanija Żvizzera li impjegat lil Joseph Muscat wara r-riżenja tiegħu minn Prim Ministru, kellha ftehim sigriet biex tirċievi 30% tad-dividendi ta’ Steward Health Care mill-ftehim frawdolenti tal-isptarijiet. It-Times of Malta b’kollaborazzjoni mal-Organized Crime and Corruption Reporting Project (OCCRP) u l-Fondazzjoni Daphne rrapportaw dwar il-ftehim sigriet, li kien issemma biss fil-qosor fl-inkjesta tal-Vitals.

Allegatament, il-ftehim ta d-drittijiet ta’ Acccutor Consulting ibbażata fl-Iżvizzera għal porzjon tal-profitti ta’ Steward Health Care permezz ta’ dividendi u qligħ mill-operazzjonijiet tagħha f’Malta. Armin Ernst, Eks CEO ta’ Steward Malta, iffirma l-ftehim ma’ Accutor Consulting f’April 2019, sena wara li Steward ħa f’idejh l-isptarijiet.

Din hija l-ewwel darba li d-dettalji tal-ftehim sigriet saru magħrufa. Inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim tal-isptarijiet li falla minn kull aspett, wasslet lill-prosekuturi jressqu akkużi kontra Muscat u għexieren oħra ta’ persuni li bħalissa għaddejjin kumpilazzjoni u eventwalment għandhom jgħaddu ġuri.

Il-profitti kienu rrappurtati maħsuba għal Shaukat Ali. Emails jiżvelaw li minħabba djun sinifikanti, Steward Malta ma ħallset l-ebda dividend qabel il-konċessjoni tal-isptar ġiet annullata mill-Qorti. Madankollu, bejn l-2018 u l-2020, Steward Malta ħallset aktar minn €7 miljun lil Accutor Consulting għal diversi servizzi, inklużi “konsulenti politiċi.”

Disa’ xhur wara li ġie ffinalizzat il-ftehim sigriet dwar il-qsim tal-profitti, Joseph Muscat kien ingaġġat bħala konsulent minn Bhatti, li rċieva tariffa ta’ €15,000 fix-xahar. Muscat irċieva erba’ ħlasijiet li jammontaw għal €60,000, b’żewġ ħlasijiet jiġu direttament minn Accutor Consulting, l-istess ditta involuta fil-ftehim ta’ qsim tal-profitti.

Muscat kien ċaħad kull konnessjoni bejn ix-xogħol ta’ konsulenza u l-ftehim tal-isptarijiet ta’ Malta, u saħaq li l-kuntratt tiegħu ma kienx relatat mal-ftehim. Minbarra d-drittijiet tad-dividend, il-ftehim ta’ qsim tal-profitti stipula wkoll li Acccutor Consulting tirċievi 30% tal-valur tal-ekwità li kieku Steward Malta tinbiegħ.