Lokali

Qraba ta’ Ghirxi f’laqgħa mal-Ministri b’talba għal inkjesta ħolistika

Qraba ta’ Nicolette Ghirxi, il-mara li spiċċat maqtula f’darha stess mill-Irlandiż Edward Johnston, kellhom laqgħa mal-Ministri Byron Camilleri, Jonathan Attard u Michael Falzon. Dan hekk kif flimkien mal-avukati tal-familja, Matthew Xuereb u Joseph Borda ddiskutew t-termini għall-Inkjesta Indipendenti.

Bil-familja tal-vittma tibqa’ tinsisti sabiex din l-Inkjesta tkun miftuħa u wiesgħa; bit-tama li l-affarijiet jinbidlu għall-aħjar.

Sa issa, din l-Inkjesta li ħabbar il-Gvern se tkun qed tinvestiga n-nuqqasijiet li possibbilment kien hemm b’rabta mal-ħaddiema tal-FSWS u l-fatt li ma sarx risk assessment.

L-Inkjesta nfetħet mill-Ministru responsabbli, Michael Falzon u mhux mill-Prim Ministru. Il-familja qed titlob li din l-Inkjetsa tinvestiga l-fatti kollha minn kull dipartiment involut, fosthom il-Korp tal-Pulizija, u anke mill-aspett politiku.

Intant, f’din il-laqgħa, il-Ministri baqgħu jinsistu li l-Gvern xorta waħda jrid li jibqa’ għaddej bl-Inkjesta mħabbra mill-Ministeru ta’ Michael Falzon. U b’hekk, ir-rwol tal-Korp tal-Pulizija u tal-politiċi f’dan il-każ fatali qatt mhuma se jiġu analizzati. Tant li l-Inkjesta – kif inhi – lanqas mhi se tanalizza n-nuqqasijiet li hemm fil-liġijiet u fis-sistema, li qed tfalli mara wara l-oħra li jkunu vittmi ta’ vjolenza domestika.

Żvilupp pożittiv kien illi fil-laqgħat li saru t-Tnejn, iż-żewġ naħat qablu li jitwessgħu t-termini ta’ referenza.

Il-Partit Nazzjonalista, minn naħa tiegħu, qed jaqbel mal-familja Ghirxi u qed jinsisti li minnufih issir inkjesta indipendenti ħolistika dwar il-qtil tagħha.

Hekk biss jista’ jiġi determinat jekk l-istat wettaqx l-obbligi mistennija minnu biex jipprevjeni u jħares ħajjitha.

Il-Ministru Michael Falzon kien wiegħed li l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta li ħabbar il-Ministeru tiegħu se jiġu ppublikati. Iżda fl-ebda ħin ma ntrabat li jwessa’ din l-Inkjesta.